Sittax-il persuna li jinkludu nies involuti fid-direzzjoni u fil-prestazzjoni teatrali, kif ukoll maniġers tat-teatru, produtturi ta’ festivals, artisti u entużjasti tal-Karnival, ħadu sehem fit-tieni kors dwar il-Ħiliet Tekniċi tat-Teatru (Theatre Technical Skills) organizzat mill-Fondazzjoni Valletta 2018, Il-Kunsill Malti għall-Arti u d-Direttorat Kulturali, f’kollaborazzjoni mal-British Council, Londra.
Valletta 2018 flimkien mal-Kunsill tal-Arti u d-Direttorat tal-Kultura, qed jinvestu b’mod strateġiku fl-infrastruttura kulturali u fil-bini tal-kapaċità li huma essenzjali għall-iżvilupp u l-promozzjoni tal-programm kulturali tagħha. Għaldaqstant, qed jitwettqu eżerċizzji sabiex jiġu megjusa l-infrastruttura u r-riżorsi umani disponibbli, jiġu identifikati n-nuqqasijiet u jkunu indirizzati bil-ħsieb li jsir xogħol ta’ tħejjija b’saħħtu sal-2018.
Skont dejta disponibbli hemm 10,378 persuna li huma ekonomikament attivi fis-Settur Kulturali u Kreattiv f’Malta u f’Għawdex. Is-settur tal-arti performattiva waħdu fih 290 intrapriża li jħaddmu 580 impjegat li minnhom 80 fil-mija jaħdmu għal rashom. Barra minn hekk, hemm ammont sostanzjali ta’ xogħol volontarju fl-attivitajiet relatati mal-arti performattiva li jseħħu fit-72 spazju attiv użati għall-produzzjonijiet teatrali f’Malta.
Xi 15% mill-Baġit għall-Programm Kulturali ta’ Valletta 2018, li kull sena jilħaq il-€75,000, huma dedikati għall-bini tal-kapaċità u għall-professjonalizzazzjoni tal-artisti u l-persuni involuti fid-direzzjoni u l-prestazzjoni teatrali fl-oqsma tal-arti viżiva, l-arti performattiva, il-letteratura u l-infrastruttura fiżika.
L-ewwel workshop dwar il-Ħiliet Tekniċi tat-Teatru, immexxi mid-diżinjatur tad-dawl Ingliż Michael Mannion, sar fi tlett ijiem ix-xahar l-ieħor u ffoka l-iktar fuq l-aspett kreattiv tad-disinn tad-dawl fit-teatru.
It-tieni workshop sar bejn il-11 u t-13 ta’ Novembru u kien immexxi mid-direttur teatrali ġewwa Londra Jan-Willem van der Bosch u mid-diżinjatur tas-sett GaranceMarneur. Dan iffoka fuq ir-rwol tad-diżinn fil-produzzjoni u d-diżinn mit-tim kreatttiv. Is-sessjonijiet ħarsu lejn l-interazzjoni bejn id-direttur u d-diżinjatur, u ħargu metodi ta’ kif diżinn tajjeb ilibbes produzzjoni biex din tkun tajba. Ġie analizzat id-djalogu bejn id-diretturi u l-kollaboraturi u kif din l-interazzjoni tinfluwenza lit-tim kreattiv fil-komunikazzjoni tagħhom mal-udjenza.
Dawn il-korsijiet qosra saru bl-għajnuna taċ-Ċentru għall-Kreattività tal-Kavallier San Ġakbu u t-Teatru Manoel.
Barra l-korsijiet dwar il-Ħiliet Tekniċi, Valletta 2018 tmexxi wkoll l-iskola tal-Kurazija u l-Programm tar-Residenza tal-Kuraturi, maħsub għall-iżvilupp professjonali tal-artisti u Storyworks – workshops għall-kitba tal-iskritti għat-televiżjoni. Valletta 2018 introduċiet Sofar Sounds f’Malta fejn jiġu organizzati esperjenzi ta’ mużika lajv u mhux tradizzjonali fejn il-protagonisti huma artisti li qed jixirfu.
Inizjattiva oħra li għandha x’taqsam mad-dinja tal-arti performattiva hija Malta Showcase; pjattaforma ta’ repertorju Malti maħsub biex jimmassimizza l-potenzjal u jkattar ir-reputazzjoni tal-artisti kontemporanji Maltin li jgħixu barra. Qed isiru wkoll workshops tal-kitba, avvenimenti letterarji u l-iżvilupp ta’ films imsejsa fuq kitba Maltija.
B’mod parallel, Valletta 2018 qed tmexxi l-Cultural Mapping Project. Dan huwa bbażat fuq analiżi tar-riċerka mfassla biex tiġġenera l-informazzjoni fuq l-użu u l-prattika tal-kultura fil-pubbliku u fi spazji aċċessibbli mill-pubbliku f’Malta u f’Għawdex.