Din il-ġimgħa, Valletta 2018 qed tlaqqa’ disinjaturi lokali u internazzjonali, studenti tal-arkitettura, residenti u attivisti soċjali għall-workshop ta’ 72 siegħa bl-isem ta’ Urban Action, li qed isir f’Birżebbuġa mil-lum l-Erbgħa 10 ta’ Ottubru.
Total ta’ 12-il parteċipant se jqattgħu tlett ijiem u tliet iljieli fil-boatyard u fil-ġnien pubbliku ta’ Birżebbuġa, fejn se jfasslu u jibnu proġetti fl-ispazju pubbliku biex jindirizzaw il-bżonnijiet lokali. Dan kollu se jiġri f’ħin limitat, b’baġit strett u spazju limitat bil-għan li jħalli impatt dejjiemi fuq il-pajsaġġ urban.
Il-workshop jintemm nhar is-Sibt 13 ta’ Ottubru bit-tnedija ta’ installazzjoni pubblika fis-7pm.
Il-parteċipanti li qed jaħdmu fuq dan il-proġett mill-qrib ġejjin mill-Iżrael, Franza, il-Polonja, il-Ġermanja u Malta u qegħdin jaħdmu mill-qrib mal-kollettiv internazzjonali tad-disinn u l-bini bl-isem ta’ 72 Hour Urban Action, sinonimu ma’ interventi bħal dawn f’numru ta’ bliet, kif ukoll mal-Valletta Design Cluster u l-Għaqda Sajjieda Dilettanti Birżebbuġa.
Ir-residenti u dawk li jkunu għaddejjin mill-akwati huma mistiedna jieħdu sehem fil-konverżazzjoni u jagħtu daqqa t’id u huma wkoll mistiedna biex jiċċelebraw il-prodott finali matul iċ-ċerimonja pubblika tal-għeluq.
Il-workshop qed isir wara riċerka fil-fond biex jiġu identifikati l-problemi u l-possibbiltajiet li jsejsu l-lokalità sabiex dawk jiġu indirizzati bħala punt tat-tluq għax-xogħlijiet. Ħadd ma jaf minn qabel dak li se jinbena, lanqas il-parteċipanti jew l-organizzaturi. Kollox jiġi deċiż fuq il-post u dak il-ħin.
72 Hour Urban Action huwa kollettiv internazzjonali tad-disinn u l-bini li twieled fl-2010 waqt il-Bat-Yam Biennale of Landscape Urbanism. 72HUA ilha taħdem f’Malta mal-Fondazzjoni Valletta 2018 mill-2016, u tifforma parti importanti mill-programm Design4DCity fil-forma ta’ workshops pubbliċi għar-riġenerazzjoni urbana li għalihom attendew persuni fil-qasam kreattiv lokali u internazzjonali, kif ukoll persuni li kienu lesti li jagħtu daqqa t’id għat-titjib tal-lokalità.
Segwi #72HUA fuq Facebook u Instagram biex tara l-progress. Għal aktar informazzjoni żur valletta2018.org.
72 Hour Urban Action Workshop huwa organizzat minn Valletta 2018 u l-Valletta Design Cluster, b’kollaborazzjoni ma’ 72 Hour Urban Action.
Il-Valletta Design Cluster hija inizjattiva mmexxija mill-Fondazzjoni Valletta 2018 bil-għan li tipprovdi spazju u opportunitajiet għall-industriji kreattivi Maltin li qed jiżviluppaw.
Valletta 2018 Premium Partners: General Soft Drinks Co. Ltd., Coca Cola, Bavaria and Bank of Valletta