Fit-2 u t-3 ta’ Novembru, ġewwa Dar Qalb ta’ Ġesù f’Santa Venera, Valletta 2018 se ttella’ Island Lights – weekend kontemporanju ispirat mill-kultura Ġappuniża.
L-esibizzjoni titratta dwar il-kultura Ġappuniża, it-teknoloġija, u l-arti kontemporanja u moderna. Tiffoka b’mod partikolari fuq il-kuntrast naturali bejn id-dawl u d-dlam u r-rwol li għandu d-dawl fl-identità kulturali Ġappuniża u fil-ħajja tan-nies tal-pajjiż.
Bosta artisti barranin u lokali se jieħdu sehem. Ix-xogħol tagħhom jidher f’diversi forom, li jingħaqdu f’daqqa biex jipprovdu esperjenza eċċitanti u interattiva.
L-esibizzjoni tiġbor l-istili varji tal-artisti ta’ GROUNDRIDDIM — Aoi Yamaguchi, Yang02, Akiko Nakayama u HOUXO QUE — kif ukoll tal-artisti lokali I + A u Jean-Luc Portelli.
Aoi Yamaguchi, esperta fis-sengħa tal-kaligrafija, se tkun qed tpitter fuq il-post. Barra minn hekk, se jsiru wirjiet u workshops organizzati minn Nobuaki Tomita u Rakugo Without Borders matul il-jumejn tal-avveniment. Dawn jinkludu taħdita u dimostrazzjoni mill-istilista u disinjatur tal-Kimono, Nobuaki Tomita, sessjoni ta’ Rakugo minn Master Sentatsu (Rakugo huwa stil ta’ rakkontar tal-istejjer tradizzjonali Ġappuniż), kif ukoll workshop mal-poeta popolari Ġappuniż Wakako Kaku (awtur tal-kanzunetta tal-ftuħ ta’ Studio Ghibli, ‘Spirited Away‘).
Il-proġett Island Lights għandu l-għan li jenfasizza aspetti simili jew kontrastanti fl-esperjenzi kulturali Maltin u Ġappuniżi, peress li ż-żewġ pajjiżi, għalkemm ‘il-bogħod minn xulxin, huma gżejjer.
Kun parti minn dan il-festival Ġappuniż li jiċċelebra l-kultura unika u l-identità taż-żewġ nazzjonijiet gżejjer tagħna. Id-dħul huwa bla ħlas, u spazju għall-parkeġġ huwa wkoll disponibbli b’xejn.
Għal aktar informazzjoni dwar dan il-proġett u skeda sħiħa ta’ attivitajiet, żur valletta2018.org u segwi l-paġna ta’ Valletta 2018 fuq Facebook.
Island Lights huwa organizzat minn Valletta 2018, bil-kontribut kreattiv ta’ Jean Luc Portelli u l-appoġġ tal-EU Japan Fest Japan Committee, l-Ambaxxata tal-Ġappun f’Malta u l-Assoċjazzjoni Malta-Ġappun.
Valletta 2018 Premium Partners: General Soft Drinks Co. Ltd., Coca Cola, Bavaria and Bank of Valletta