Fl-10 u l-11 ta’ Novembru, fit-toroq tal-Mellieħa, se jsiru erba’ rappreżentazzjonijiet live ta’ Bodies in Urban Spaces. Dawn jibdew fl-10.30am u fit-3pm, jiġifieri żewġ rappreżentazzjonijiet kuljum, ġewwa l-Forti tal-Mellieħa (Mellieħa Scout Group).
Bodies in Urban Spaces hija sekwenza ta’ interventi fiżiċi fi spazju urban, li jieħdu l-ħajja permezz ta’ koreografija eżegwita minn grupp ta’ żeffiena. Din ir-rappreżentazzjoni tistieden liċ-ċittadini biex jesploraw il-belt tagħhom stess mill-ġdid, biex b’hekk jistabbilixxu relazzjoni aktar b’saħħitha mal-viċinanzi, id-distrett u l-belt tagħhom u jaraw l-istess spazju jew post b’mod ġdid u differenti.
Matul din l-attività, l-artisti jpoġġu ġisimhom f’ċertu postijiet madwar belt jew raħal — jiġifieri f’diversi spazji urbani — biex permezz ta’ din l-azzjoni jiġbdu l-attenzjoni lejn il-funzjoni prattika tal-istrutturi urbani. B’hekk jiskopru l-possibbiltajiet, ir-regoli u l-limitazzjonijiet imposti fuq il-moviment f’dawn il-kuntesti differenti. L-udjenza u n-nies li jkunu għaddejjin huma mistiedna jirriflettu fuq l-ambjent urban tagħhom kif ukoll fuq l-imġieba u d-drawwiet tagħhom stess f’dak li għandu x’jaqsam mal-moviment li jista’ jsir ġewwa dawn l-ispazji.
F’kull rappreżentazzjoni jipparteċipaw 20 artist lokali u kull waħda ddum madwar siegħa.
Il-proġett Bodies in Urban Spaces ilhu jseħħ mill-2007, f’diversi pajjiżi u bliet madwar id-dinja.
Biex tirreġistra, żur valletta2018.org — Bodies in Urban Spaces.
Bodies in Urban Spaces huwa maħluqa minn Willi Dorner u organizzat minn Valletta 2018.
Valletta 2018 Premium Partners: General Soft Drinks Co. Ltd., Coca Cola, Bavaria and Bank of Valletta