Il-mużew nazzjonali tal-arti l-ġdid f’Malta, proġett ta’ legat għal Valletta 2018, il-Kapitali Ewropea tal-Kultura u mmexxi minn Heritage Malta, ġie inawgurat illejla. L-isem magħżul, MUŻA, waqt li huwa akronimu għall-kelma Maltija li tfisser ispirazzjoni, u hija wkoll referenza ċara għall-mużi – il-kreaturi mitoloġiċi mill-antik klassiku li jispiraw il-kreattività. Il-proġett ifittex li jagħmel l-arti aċċessibbli għal kulħadd, u jagħmel l-arti u l-kreattività relevanti għall-komunità.
Il-Prim Ministru ta’ Malta, Joseph Muscat qal “il-MUŻA huwa rigal lil Malta fl-okkażjoni ta’ Valletta 2018 bħala l-Kapitali Kulturali Ewropea. Rigal għan-nies kollha. Rigal għat-tfal li minn din is-sena jistgħu jġibu huma lill-ġenituri tagħhom … u jkunu t-tfal li jdaħħlu b’xejn lill-ġenituri tagħhom, mhux bil-maqlub. Illum f’pajjiżna għandna post fil-Belt Kapitali tagħna li verament jagħmel ġustizzja mal-kult kulturali li għandna bħala poplu, minkejja li aħna l-iżgħar nazzjon-stat fl-Unjoni Ewropea u fost l-iżgħar fid-dinja.”
Il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali, Owen Bonnici, faħħar dan il-proġett tant ambizzjuż u li sar b’investiment ta’ EUR 10 miljun parzjalment finanzjat minn fondi Ewropej. Huwa stqarr li “dan il-bini joffri testment ħaj għal viżjoni tagħna għal-legat li nixtiequ nwasslu lil ġenerazzjonijiet futuri .”
“Fl-aħħar snin, ħadna deċizjonijiet li permezz tagħhom saħħaħna l-investiment tagħna f’dan is-settur, kemm b’mod finanzjarju, kif ukoll permezz ta’ aktar professjonalzzazzjoni fis-settur, filwaqt li tajna spazju lill-artisti u nies kreattivi sabiex ikomplu jkabbru t-talenti tagħhom kemm ġewwa xtutna kif ukoll lil hinn,” kompla jgħid il-Ministru Bonnici.
Iċ-Ċermen tal-Fondazzjoni Valletta 2018 Jason Micallef qal: “Il-proġett ta’ legat ta’ Valletta 2018 MUŻA uffiċjalment fetaħ il-bibien tiegħu. Din hija ħolqa importanti f’katina ta’ proġetti li ttrasformaw lill-Belt Valletta bħala parti mill-programm tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura, u proġett ta’ legat li se jitgawda mill-ġenerazzjonijiet tal-futur.”
Ir-riflessjoni mill-ġdid u rebranding tal-MUŻA tħabbru f’Diċembru 2013. Dan il-mużew ifittex li jaddotta u jiżviluppa mudell ta’ mużew għall-arti parteċipatorju, b’referenza partikolari għal mandat tiegħu ta’ mużew nazzjonali. Billi jesebixxi narattivi, il-MUŻA għandu l-għan li jagħti setgħa lil parteċipanti biex jesperjenzaw, jinteraġixxu, u joħolqu – irrispettivament mil-livell ta’ għarfien tagħhom, b’mod li jdawwar udjenzi tradizzjonali ta’ mużew, f’parteċipanti. Il-MUŻA jfittex li jkun assi komunitarju sinifikanti billi jippromwovi l-koeżjoni soċjali, djalogu interkulturali, kreattività u l-ispirazzjoni.
Il-MUŻA jista’ jiġi definit bħala taħlita ta’ spazji pubbliċi, galleriji u faċilitajiet li huma kollha rilevanti fin-nisġa li tiddefinixxi dan il-mużew nazzjonali tal-arti għall-komunità. MUŻA jservi wkoll bħala pont għall-arti tal-belt kapitali tagħna u ta’ pajjiżna.
Il-kontenut tal-istorja tal-MUŻA jista’ jiġi klassifikat f’4 partijiet, il-Mediterran, l-Ewropa, l-Imperu u l-Artisti. Il-kollezzjoni tal-Mużew tammonta għal aktar minn 20,000 opra t’arti.
L-istrateġija ta’ interpretazzjoni ta’ dan il-mużew tal-arti għall-komunità hija li jkun fonti ta’ għarfien; jirrikonoxxi l-viżitaturi tal-mużew bħala parteċipanti biex dawn ikollhom esperjenza ta’ ko-ħallieqa tal-għarfien; jirrikonoxxi motivazzjonijiet differenti li jistgħu jispiraw lill-parteċipanti biex jinteraġixxu mal-arti u l-kultura; jikkultiva l-abbiltà li taħseb b’mod kritiku u analitiku; u biex ikun ta’ pont soċjali bejn il-komunitajiet u kulturi differenti.
Dan il-mużew jaħdem fuq sistema infrastrutturali effiċjenti ta’ enerġija ħadra biex itejjeb il-karatteristiċi ta’ enerġija effiċjenti preżenti f’din il-binja storika.
Dawn l-objettivi kollha huma parti mill-esperjenza li l-MUŻA jista’ joffri fis-sħuħija kollha tiegħu, fosthom il-viżjoni tal- mużew li hija kkomunikata bis-saħħa ta’ inizjattivi li jmorru lil hinn mill-post.