Il-film ta’ Valletta 2018, Ħabbilni Ħa Nirbaħ, se jkun qed jintwera għall-pubbliku fl-Embassy Cinemas bejn il-21 ta’ Novembru u t-18 ta’ Diċembru 2018.
Il-film — li għandu direzzjoni ta’ Mario Azzopardi, produzzjoni ta’ Michael Kissaun u kitba ta’ Simon Bartolo u Mario Azzopardi — hu miktub bil-Malti u hu bbażat fuq produzzjoni teatrali li ġġib l-istess isem.
Jirrakkonta l-istorja ta’ erba’ tfajliet żgħażagħ fl-iskola sekondarja (rwoli ta’ Jasmine Farrugia, Michela Galea, Sarah Micallef Muscat u Shelby Aquilina), li jagħmlu mħatra bejniethom dwar liem tfajla jirnexxilha tinqabad tqila l-ewwel mill-attur magħruf Nate Cross (rwol ta’ Jan Zammit). Il-film isegwi l-istorja tagħhom, u juri kif l-azzjonijiet irresponsabbli tagħhom jirriżultaw biss f’qerq, estorsjoni, tradiment u uġigħ, għad-dannu tagħhom u ta’ dawk qrib tagħhom.
Minbarra l-atturi prinċipali, fost il-membri tal-kast insibu wkoll diversi atturi magħrufa f’pajjiżna fosthom Frida Cauchi, Larissa Bonaci, Carlos Farrugia, Laura Bruno u Kim Dalli.
Ħabbilni Ħa Nirbaħ għamel id-debutt tiegħu f’pajjiżna fit-2 ta’ Novembru 2018 ġewwa l-Embassy Cinemas fil-Belt Valletta. Il-film wettaq ukoll id-debutt internazzjonali tiegħu waqt l-Edmonton Film Festival ġewwa l-Kanada f’Settembru 2018, meta pparteċipa fil-kompetizzjoni uffiċjali waqt l-istess festival.
Għal aktar informazzjoni dwar il-wiri ta’ dan il-film żur embassycomplex.com.mt/film/habbilni-ha-nirbah.
Valletta 2018 Premium Partners: General Soft Drinks Co. Ltd, Coca Cola, Bavaria and Bank of Valletta.