Tribali fost l-artisti ewlenin fl-għeluq uffiċjali ta’ Valletta 2018
Il-gruppi mużikali lokali popolari Tribali, The Brass House Unit u l-artist Ozzy Lino se jkunu qed joffru spettaklu għal kulħadd fi Pjazza San Ġorġ fil-Belt Valletta nhar is-Sibt 15 ta’ Diċembru.
Dan l-ispettaklu hu parti miċ-ċelebrazzjonijiet ta’ ‘L-Aħħar Festa: l-Għeluq Uffiċjali ta’ Valletta 2018’. Dan wara s-suċċess kbir li għamlet is-sena tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura, li matula saru aktar minn 400 avveniment kulturali. Iċ-ċelebrazzjonijiet jibdew fis-6.30pm ġewwa l-Belt Kapitali.
Il-Big Dancers, Moveo Dance Company u l-Kor ta’ Valletta 2018 se jingħaqdu mal-artisti l-oħrajn fuq il-palk prinċipali. Mireille Bonello u Svetlana Muscat se jkunu l-preżentaturi matul is-serata.
Filwaqt li r-rappreżentazzjonijiet ta’ żfin u mużika jibdew fis-6.30pm, l-avveniment uffiċjali tal-għeluq jibda fl-4pm b’diversi installazjonijiet u rappreżentazzjonijiet madwar il-Belt. L-attivitajiet fil-programm tal-għeluq huma tifkira ta’ wħud mill-proġetti fil-Programm Kulturali ta’ Valletta 2018. Dan kollu se jseħħ fit-toroq ewlenin tal-Belt.
Dawn jinkludu installazzjoni minn Magna Żmien, żifna interattiva minn ŻfinMalta fis-Suq tal-Belt bl-isem ta’ Ballroom, rappreżentazzjoni mill-orkestra komunitarja Mewġa Mużika, installazzjoni ispirata mill-proġett Latitude 36, organizzata mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ bl-isem ta’ Sempre Viva, u retrospettiva tal-programm AiR bil-kollaborazzjoni ta’ Spazju Kreattiv.
It-toroq tal-Belt Valletta se jaraw ukoll installazzjoni interattiva mifruxa fuq diversi siti bl-isem ta’ Memory Wall, li se tfakkar punti ewlenin mill-Programm Kulturali ta’ Valletta 2018. Dawn se jiġu interpretati mill-ġdid minn diversi artisti permezz ta’ diversi mezzi artistiċi. L-installazzjoni se tkun mifruxa madwar il-Belt Valletta.
Aktar tard, il-Belt Valletta se tkun qed tikkommemora t-titlu ta’ Kapitali Ewropea tal-Kultura b’mod uffiċjali fi Pjazza San Ġorġ.
Il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici stqarr li, “l-għeluq uffiċjali ta’ Valletta 2018 se joffri festa ta’ kultura fil-kapitali bi spettaklu minn talent lokali. Il-pubbliku se jkollu ċ-ċans jesperjenza dak li għamel din is-sena tant speċjali — l-arti, il-mużika, iż-żfin, is-sens ta’ komunità u anke l-ġid infrastrutturali li nħoloq. B’mod partikolari l-Mużew Nazzjonali tal-Arti l-ġdid, MUŻA – il-proġett infrastrutturali ewlieni ta’ Valletta 2018, li nfetaħ ftit ġimgħat ilu, li għal din il-ġurnata speċjali se jkun miftuħ għall-pubbliku bla ħlas, mill-10 ta’ filgħodu sa tard bil-lejl. Grazzi għall-Kapitali Ewropea tal-Kultura, din is-sena l-kultura fil-Belt Kapitali tagħna u f’pajjiżna ngħatat prominenza aktar minn qatt qabel.”
Is-Segretarju Parlamentari għall-Protezzjoni tal-Konsumatur u Valletta 2018 Deo Debattista spjega kif Valletta 2018 kienet opportunità unika u mill-isbaħ għal pajjiżna. Permezz ta’ dan il-mandat Malta uriet kemm għandha x’toffri f’dak li għandu x’jaqsam mal-arti u l-kultura. Dr Debattista qal li filwaqt li Valletta 2018 kienet pjattaforma mill-aqwa għal diversi artisti Maltin u Għawdxin, għenet ukoll biex tressaq aktar turisti lejn pajjiżna. “Kull bidu għandu t-tmiem biss f’dan il-każ, l-għeluq tal-mandat ta’ Valletta 2018 bħala l-Belt Kapitali Ewropea jfisser il-bidu ta’ esperjenza ġdida. Dak li tgħallimna matul dan il-mandat ser inpoġġuh fil-prattika matul iż-żmien li ġej.
Iċ-Chairman tal-Fondazzjoni Valletta 2018 Jason Micallef qal li, “Fl-2018 wettaqna b’suċċess l-akbar programm kulturali li qatt ra pajjiżna, b’aktar minn 400 attività kulturali li minnhom gawdew eluf ta’ nies inkluż familji, tfal, anzjani, persuni b’diżabilità, membri ta’ diversi komunitajiet, artisti u ħafna oħrajn. Fl-għeluq uffiċjali ta’ Valletta 2018 se nkunu qed niċċelebraw dan is-suċċess, u se nerġgħu ngħixu diversi proġetti li ħallew impatt pożittiv fuq diversi persuni, li żgur se jibqgħu parti integrali mil-legat ta’ Valletta 2018”. Kompla jgħid li, “l-għeluq ta’ Valletta 2018 mhux se jkun biss l-għeluq ta’ din is-sena speċjali, iżda se jkun ukoll il-bidu ta’ sena oħra ta’ ħidma sabiex il-Belt Valletta tkompli tikber fl-oqsma kulturali, ekonomiċi u soċjali.”
Għal aktar informazzjoni u biex iżżomm ruħek aġġornat segwi l-paġna ta’ Valletta 2018 fuq Facebook.