Dan il-weekend, l-artisti magħrufa tal-Hip Hop Jonzi-D (UK), Ivan Blackstock (UK), Kentaro!! (Ġappun), Salah (Franza) u Cheryl Lofreda (Malta) se jingħaqdu biex itellgħu workshops u rappreżentazzjonijiet tal-Hip Hop eċċitanti matul il-Hip Hop Weekend ta’ Valletta 2018!
Il-Hip Hop Weekend, li huwa wkoll parti mill-Programm tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura, se jseħħ fl-1 u fit-2 ta’ Diċembru fis-City Theatre ġewwa l-Belt Valletta. Dan wara ġimgħa intensiva ta’ sessjonijiet ta’ tagħlim minn Jonzi-D u Ivan Blackstock bħala parti mill-programm bl-isem ta’ Open Art Surgery offrut minn Breakin’ Convention.
Biljetti ta’ €5, li huma validi għaż-żewġt iljieli, jistgħu jinkisbu minn tickets.valletta2018.org.
Is-Sibt l-1 ta’ Diċembru fit-8pm, se tittella’ rappreżentazzjoni tal-Hip Hop minn Kentaro! (Ġappun), Jonzi-D (UK/Sadler’s Wells), Cheryl Lofreda (Malta) u Plato’s Dream Machine (Malta), ġewwa s-City Theatre fil-Belt Valletta.
Nhar il-Ħadd 2 ta’ Diċembru, fis-7pm, żeffiena li ħadu sehem fil-workshops ta’ Open Art Surgery organizzati minn Breakin’ Convention għal Valletta 2018 (Street Elements, Christian Cali, Warren Bonello, Sarah Kurvinen ma’ Stuart Vella u Dave Duong) se jwettqu rappreżentazzjoni live ġewwa s-City Theatre flimkien ma’ Ivan Blackstock (UK), Salah (Franza) u Jonzi-D bħala emcee. L-udjenza se tkun mistiedna tagħti kritika kostruttiva dwar din ir-rappreżentazzjoni, sabiex tagħti lill-artisti opportunità unika biex jaqsmu x-xogħol tagħhom, itejbuh, jitgħallmu u jikbru.
Dan wara li l-parteċipanti kellhom l-opportunità li jieħdu sehem f’workshops ta’ Open Art Surgery ma’ Jonzi-D u Ivan Blackstock bejn is-26 u t-30 ta’ Novembru. Mingħajr ebda pressjoni li jinħoloq prodott aħħari speċifiku, il-workshops ta’ Open Art Surgery ħallew lill-artisti jieħdu riskji kreattivi u jippruvaw xi ħaġa differenti.
Se jiġi organizzat ukoll workshop taż-żfin bla ħlas għal tfal u żgħażagħ ta’ bejn it-8 u s-16-il sena, nhar is-Sibt l-1 ta’ Diċembru fl-10.30am. Dan se jsir mill-artist popolari tal-Hip Hop Salah, ġewwa d-Dance College Studios fl-Imsida. Permezz ta’ dan il-workshop, il-parteċipanti se jitgħallmu dwar l-approċċ uniku ta’ Salah lejn iż-żfin u l-interpretazzjoni tiegħu tal-‘popping’, li huwa jsejjaħ PABE (Popping, Animation, Boogaloo, Effects). Biex tirriżerva l-post tiegħek ibgħat email lil [email protected].
Għall-biljetti, żur tickets.valletta2018.org. Għal aktar informazzjoni żur valletta2018.org u segwi l-paġna ta’ Valletta 2018 fuq Facebook.
Il-Hip Hop Weekend huwa maħluq min Valletta 2018 u Jonzi-D u organizzat minn Valletta 2018 b’kollaborazzjoni mal-EU Japan Fest Japan Committee, bil-parteċipazzjoni ta’ Jonzi-D, Breakin’ Convention u l-komunità tal-Hip Hop lokali.
Valletta 2018 Premium Partners: General Soft Drinks Co. Ltd, Coca Cola, Bavaria u Bank of Valletta