Iċ-Ċermen tal-Fondazzjoni Valletta 2018 Jason Micallef iddiskuta għadd ta’ proġetti għal u flimkien mal-komunità tal-Belt Valletta li se jibdew mis-sena d-dieħla li taħbat l-450 anniversarju tal-Belt Valletta.
Is-Sur Micallef kien qed jindirizza r-raba’ laqgħa tal-Valletta Forum li saret it-Tnejn, 13 ta’ Lulju fil-Camarata li tilqa’ fiha madwar 52 familja, ġewwa Strada Merkanti, l-Belt Valletta. Nies ta’ etajiet differenti, inklużi l-anzjani u l-adolexxenti, inġabru fil-bitħa tal-bini filwaqt li oħrajn segwew id-diskussjoni mill-galleriji tagħhom u ngħaqdu mal-folla iktar tard matul il-lejla sabiex jaqsmu l-fehmiet tagħhom.
Il-Valletta Forum huwa spazju li permezz tiegħu l-Fondazzjoni Valletta 2018 tilħaq il-komunità bħala pjattaforma ta’ komunikazzjoni.
Is-Sur Micallef semma wkoll ix-xogħol fuq il-Valletta Masterplan li se joħroġ għal konsultazzjoni pubblika fil-ġimgħat li ġejjin. Huwa żied jgħid li l-Fondazzjoni Valletta 2018 ikkontribwixxiet fid-diskussjoni u ressqet diversi proposti li aktar tard se jkunu parti mill-abbozz tal-politika. Dawn jinkludu pjanijiet għal ċentru għall-ħarsien tat-tfal, ċentru għall-anzjani u mezzi sabiex permezz ta’ sħubija pubblika-privata l-proprjetà bi prezz affordabbli tkun disponibbli għall-persuni li kellhom jitilqu mill-Belt Valletta u ma jistgħux jippermettu l-proprjetà għalja li hawn fis-suq. Madankollu, is-Sur Micallef sostna li dan mhuwiex se jsir mil-lum għal għada u huwa parti minn strateġija li tieħu t-tul għall-Belt Valletta u lil hinn mill-2018.
Is-Sur Micallef qal ukoll li Valletta 2018 huwa dwar Programm Kulturali li jieħu iktar minn sena u jinkludi ċelebrazzjonijiet lokali, avvenimenti stabbiliti kif ukoll proġetti ġodda u kontemporanji.
Is-Sur Marco Vella, l-Assistent Kap tal-Kulleġġ San Ġorġ Preca, Skola Primarja tal-Belt Valletta, indirizza l-laqgħa wkoll. Huwa tkellem dwar l-involviment tal-istudenti fil-proġetti ta’ Valletta 2018 u l-benefiċċji li ħadu minnhom. Semma Discover Valletta, Belti, u xogħlijiet ta’ tibdil li qed iseħħu fit-teatru tal-iskola li, meta jintemmu, se jibda jintuża mill-komunità wkoll apparti mill-istudenti nfushom.
Jason Micallef introduċa lis-Sur Antoine Farrugia, artist mill-Belt Valletta, li se jkun qed jikkoordina l-attivitajiet relatati mal-450 anniversarju tal-Belt Valletta. Dan se jiġi mmarkat is-sena d-dieħla b’diversi avvenimenti li se jiġu organizzati mill-Fondazzjoni Valletta 2018 kif ukoll mill-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta, flimkien mar-residenti u l-organizzazzjonijiet tal-Belt Valletta.
Ir-residenti tal-Belt Valletta esprimew il-gratitudni tagħhom talli l-laqgħa seħħet f’post li jħossu li huwa tagħhom filwaqt li setgħu jaqsmu l-fehmiet tagħhom dwar il-Belt Valletta bħala Kapitali Ewropea tal-Kultura u l-ħtieġa li jissokta x-xogħol fuq proġetti u inizjattivi fil-partijiet t’isfel tal-Belt Valletta.
Il-ġimgħal-oħra, wara l-laqgħa mar-residenti u l-organizzazzjonijiet tal-Belt Valletta, kien hemm laqgħa oħra mas-sidien ta’ stabbilimenti fi Strada Stretta.