Artisti, artisti tal-palk, reġisti tal-films u kittieba li qed jaħdmu biex iniedu t-talenti tagħhom barra minn Malta issa jistgħu japplikaw sabiex jidhru fil-Malta Showcase Portfolio 2016, katalgu organizzat ta’ repertorju Malti lest biex jitturja mad-dinja waqt is-sena ta’ Presidenza tal-UE f’Malta fl-2017.

Il-katalgu se jitqassam lil netwerk ta’ diretturi artistiċi u programmaturi ta’ festivals li huma interessati jikkummissjonaw it-talent Malti.

Malta Showcase huwa parti mill-Programm Kulturali ta’ Valletta 2018 u jirrifletti l-impenn tal-Fondazzjoni lejn l-iżvilupp u l-professjonalizzazzjoni ta’ artisti lokali.

Il-Fondazzjoni Valletta 2018, flimkien mal-Kunsill Malti għall-Arti u s-Segretarjat Parlamentari għall-Presidenza tal-UE 2017 u l-Fond tal-UE, għandha l-impenn li toħloq opportunitajiet għall-artisti lokali u li tressaq ix-xogħol tagħhom lejn udjenza internazzjonali.

Iċ-Ċermen tal-Fondazzjoni Valletta 2018 Jason Micallef qal: “Malta Showcase, huwa eżempju ċar tal-isforzi li qed isiru biex it-talent Malti ta’ kwalità għolja jingħata imbuttatura u jkun aċċessibbli għal udjenzi fid-dinja kollha. Flimkien mal-Kunsill Malti għall-Arti u organizzazzjonijiet kulturali pubbliċi oħrajn, il-Fondazzjoni Valletta 2018 qed twettaq ħidma attiva biex tappoġġja l-kreattività u tkattar il-potenzjal tal-artisti Maltin fid-dixxiplini kollha sal-2018 u lil hinn.”

Toni Attard, Direttur tal-Istrateġija fil-Kunsill Malti għall-Arti qal, “L-internazzjonalizzazzjoni hija prijorità ċara għall-Kunsill Malti għall-Arti, li l-għan tiegħu huwa li jkun sensittiv għall-bżonnijiet tas-setturi kulturali u kreattivi. L-aċċess għas-swieq internazzjonali jagħti ċ-ċans lill-arti ssir iktar professjonali u sostenibbli f’tul ta’ żmien. Fil-fatt, Malta Showcase hija waħda minn bosta inizjattivi megħjuna mill-Kunsill li għandha l-għan li tgħin lill-artisti jesportaw xogħolhom.”

L-edizzjoni preċedenti ta’ Malta Showcase kienet tinkludi repertorju ta’ żfin, teatru u mużika bħala dixxiplini tal-arti performattiva.

Ladarba Malta Showcase Portfolio 2016 qed jiġi mħejji fid-dawl tal-Presidenza ta’ Malta tal-Kunsill tal-Ewropa 2017, l-applikanti issa huma eliġibbli biex iressqu r-repertorju minn tliet dixxiplini tal-arti oħrajn: il-letteratura, l-arti viżiva u l-film, minbarra l-arti performattiva. L-applikanti prospettivi għandhom iżommu f’moħħhom li r-repertorju jeħtieġ li jkun lest għall-esportazzjoni matul is-sena 2017.

Il-formoli għall-applikazzjoni jistgħu jitniżżlu minn www.maltashowcase.com/how-to-apply/ u jintbagħtu lil [email protected] mhux iktar tard mill-Erbgħa 31 ta’ Settembru 2015 f’nofsinhar.