Il-Fondazzjoni Valletta 2018 fetħet sejħa għall-kittieba tal-iskritt, produtturi, diretturi u edituri bl-esperjenza jew emerġenti li se jirċievu t-taħriġ fl-iżvilupp ta’ film jew proġetti teatrali għat-televiżjoni maħsuba għall-produzzjoni fl-2017/2018.
Il-programm għall-iżvilupp ta’ skritt Storyworks se jsir mit-13 sad-19 ta’ Marzu, 2016. Permezz ta’ sejħa miftuħa, il-kittieba interessati huma mistiedna jressqu deskrizzjonijiet għal proġetti ta’ feature film għas-silver screen jew għat-televiżjoni. Dan il-programm huwa mfassal għal proġetti li huma lesti għal żvilupp intensiv.
Il-parteċipanti se jtejbu l-ħiliet tagħhom fil-kitba tal-iskritt waqt illi l-proġetti tagħhom se jingħataw gwida esperta. L-għan aħħari għal kull proġett huwa l-finanzjament u l-produzzjoni. Il-proġett se jwassal gruppi żgħar ta’ produtturi ta’ films u kittieba tal-iskritt aspiranti biex jiżviluppaw it-teknika tagħhom sal-2018. Il-produtturi, id-diretturi, l-edituri u membri oħra tat-tim kreattiv huma mistiedna jieħdu sehem fil-programm biex il-ħiliet fir-rakkuntar tal-istejjer għall-iskrin ta’ kull persuna jiġu mrawma u żviluppati biex jintlaħaq l-iprem potenzjal tat-tim. Il-programm huwa mfassal b’mod li jakkomoda livelli differenti ta’ esperjenza u abbiltà. L-edizzjoni ta’ Storyworks tal-2016 se tikkollabora wkoll mal-Kunsill tal-Arti ta’ Malta sabiex tiġi pprovduta gwida esperta fil-produzzjoni tal-programmi tat-televiżjoni eliġibbli għall-fondi ta’ Kultura TV.
Storyworks 2016 se jkun immexxi mill-Professur tal-kitba għall-Iskrin fl-Università tan-Nofsinhar ta’ California, David Howard, il-konsulent u għalliem għall-iżvilupp tal-iskritt fl-Università tan-Nofsinhar ta’ California, Martin Daniel u l-konsulenta internazzjonali għall-films Mary Kate O Flanagan, li jagħtu taħriġ fil-kitba għall-iskrin ibbażat fuq żvilupp ta’ proġett lil nies professjonali fl-industrija fid-dinja kollha. It-tuturi ħadmu ma’ għadd ta’ nies fl-industrija li jvarjaw minn prinċipjanti għal kittieba internazzjonali għall-iskrin li jkunu rebħu l-premijiet.
B’materjal kontinwu u fit-tul, Storyworks jistenna li tlieta jew erba’ minn dawn il-proġetti ikunu lesti għall-produzzjoni sal-2016/2017. Sa dan iż-żmien, għadd ta’ produtturi aspiranti ta’ films u tat-televiżjoni se jkunu rċivew it-taħriġ fl-irrakkuntar tal-istejjer għall-iskrin. Bejn l-2015 u l-2018, l-individwi li jkunu ħadu t-taħriġ qabel se jkunu qed iħarrġu oħrajn f’ċiklu ta’ żvilupp u bini tal-kapaċità.
Storyworks isir f’kollaborazzjoni mal-Kummissjoni tal-Films f’Malta, il-Kunsill Malti għall-Arti, Spazju Kreattiv u bil-parteċipazzjoni tal-MCAST.
L-applikazzjonijiet għandhom jitniżżlu minn fuq: valletta2018.org/cultural-programme/storyworks/ u jintbagħtu lil [email protected] sal-Ħamis 7 ta’ Jannar, 2016 fil-5pm. L-applikanti magħżula jkunu infurmati sat-Tnejn 15 ta’ Frar 2016.
Il-mistoqsijiet jistgħu jsiru fuq: [email protected] jew fuq in-numru 21242018.