Il-Fondazzjoni Valletta 2018 qegħda tappella għat-tneħħija tal-billboards mill-Foss ta’ San Ġakbu l-Belt Valletta, meqjus Patrimonju Nazzjonali.
F’indirizz lill-ġurnalisti, ċ-Ċermen tal-Fondazzjoni Valletta 2018 Jason Micallef tenna, “Mhux aktar aċċettabbli li jkollna national heritage pollution. Nappella lil partit fil-Gvern, dak fl-Oppożizzjoni u lill-Ministeru tal-Kultura u lill-Mepa, biex jagħmlu kull sforz possibli, u mingħajr aktar telf ta’ żmien, biex jieqfu jkerrħu l-ambjent u l-billboards li hawn fid-daħla tal-Belt, quddiem uħud mill-isbaħ fortifikazzjonijiet li nbnew 450 sena ilu, jitneħħew mingħajr iktar telf ta’ żmien”.
Huwa ipparaguna dan il-post, li jinstab fid-daħla tal-Belt u li jinkludi s-swar u l-Gardjola, ma’ postijiet storiċi oħra bħall-Kolissew f’Ruma, l-British House of Commons u monumenti simili, u spjega kif ma tgħaddilhomx minn moħħom biex jużgħu postijiet hekk bħala żona għall-billboards. Is-Sur Micallef innota b’mod pożittiv li l-gvern preċedenti investa miljuni ta’ ewro fir-restawr tal-fortifikazzjonijiet li issa ma jistgħux jitgawdew.
Il-billboards tpoġġew eżattament fejn hemm il-punt biex wieħed jittawwal lejn l-installazzjoni Propettiva, li kienet ġiet inawgurata mill-Prim Ministru, sentejn ilu. Din l-installazzjoni kienet ikkummissjonata mill-Fondazzjoni Valletta 2018 biex tissimbolizza t-tluq tal-mixja tagħna lejn is-sena 2018. Illum, Prospettiva ma tistax tiġi apprezzata minħabba li wieħed mill-billboards qiegħed jostakola l-veduta.
Il-Fondazzjoni Valletta 2018, responsabbli mit-titlu ta’ Kapitali Ewropea tal-Kultura 2018, ma tistax tibqa siekta f’dak li għandu x’jaqsam mad-difiża tal-patrimonju nazzjonali tagħna. Kien hemm tentattivi li rnexxew, ma’ Transport Malta, biex titneħħa billboard oħra f’dan il-post u għalhekk dawn iż-żewġ billboards għandhom jitneħħew ukoll.
Is-Sur Micallef appella ukoll biex tinbidel il-mentalità li spazji pubbliċi jistgħu jitħammġu b’dan il-mod.