Il-Valletta Green Festival, festival tar-rebbiegħa annwali organizzat mill-Fondazzjoni Valletta 2018, ingħata bidu uffiċjalment illum il-Ġimgħa, 6 ta’ Mejju fi Pjazza San Ġorġ u se jkompli s-Sibt u l-Ħadd ukoll.
Il-Valletta Green Festival se jkun parti minn serje ta’ avvenimenti organizzati mill-Fondazzjoni Valletta 2018, li jimmarkaw l-450 anniversarju mit-twaqqif tal-Belt Valletta. Waħda mill-iktar pjanti antiki tal-Belt Valletta u l-fortifikazzjonijiet tagħha ġiet riprodotta b’iktar minn 80,000 pjanta tal-fjuri. Dan se jenfasizza l-importanza storika ta’ din il-belt, rikonoxxuta bħala Sit ta’ Patrimonju Dinji mill-UNESCO fl-1980. Bħala sfond ikkulurit se jkun hem riinterpretazzjoni artistika tax-xibka ta’ toroq dritti li jikkaratterizzaw il-Belt Valletta.
Din is-sena, il-Valletta Green Festival se joffri opportunità li mhux ta’ min jitlifha hekk kif żewġ ġonna sigrieti li għandhom mal-400 sena se jinfetħu għall-pubbliku għall-ewwel darba. Il-ġonna, wieħed fil-bini tal-Monasteru ta’ Santa Katerina u l-ieħor fil-Palazz tal-Arċisqof, se jinfetħu mid-9 ta’ filgħodu sa nofsinhar u mill-4 ta’ wara nofsinhar sas-7 ta’ filgħaxija. Id-dħul għall-Monasteru ta’ Santa Katerina jinsab fi Triq San Kristofru waqt illi dak għall-Palazz tal-Arċisqof jinsab fi Triq Zekka.
Meta ddeskriva l-festival, iċ-Ċermen tal-Fondazzjoni Valletta 2018 Jason Micallef qal, “Dan iż-żwieġ bejn passat u preżent jissimbolizza lill-Belt Valletta llum, belt fejn id-drawwiet kontemporanji jimxu id f’id mal-patrimonju arkitettoniku u storiku. Fil-weekend ta’ Jum l-Omm, il-Valletta Green Festival, se jagħtina l-opportunità naraw is-sigrieti tal-Belt Valletta jinkixfu. Se jkattar ukoll il-valur tal-attrazzjoni annwali li qed tikber kull sena, u tikkontribwixxi għar-riġenerazzjoni kulturali, soċjali u ekonomika tal-Belt Valletta”.
Il-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima José Herrera qal, “Din hija attività li tqajjem kuxjenza dwar l-ambjent ta’ madwarna”.
Huwa spjega li rappreżentanti mill-Wasteserv, l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) u d-Direttorat tal-PARKS fi ħdan il-Ministeru tiegħu, se jkunu qed jipparteċipaw b’mod attiv f’dan il-Festival.
“Il-Wasteserv se tkun qed tagħti informazzjoni dwar il-Kampanja Edukattiva dwar l-iskart ‘Don’t Waste Waste’, li għadha kemm ġiet imnedija x-xahar li għadda, kif ukoll dwar il-proġett pilota għall-introduzzjoni tal-borża organika. Il-Wasteserv ser ikolla wkoll attivitajiet għat-tfal relatati mar-riċiklaġġ tal-iskart. L-ERA ser tippromovi l-bijodiversità fuq l-art kif ukoll fil-baħar u ser tkun qed tgħaddi informazzjoni dwar żoni protetti fl-ibħra Maltin, fost l-oħrajn. Filwaqt li min-naħa tad-Direttorat tal-PARKS ser ikunu qed jgħaddu informazzjoni dwar il-proġett tal-LIFE+ Buskett u l-kampanja Tree 4 U” tenna l-Ministru Herrera.
Il-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura Joe Mizzi qal, “Il-Valletta Green Festial huwa proġett kreattiv ieħor li se jkompli jsaħħaħ is-sensibilità dwar l-ambjent”.
Waqt il-festival, membri mid-Direttora għat-Tindif se jkunu qed jippromwovu l-kampanja Għalfejn Tħammeġ Pajjiżek. Il-Ministru ħeġġeġ lill-pubbliku wkoll biex juża t-trasport pubbliku lejn il-Belt Valletta.
Is-Sibt 7 ta’ Mejju, bejn l-10 ta’ filgħodu u nofsinhar se jkun hemm sessjonijiet ta’ Tikka Banda, waqt li Charles and Friends se jqajmu Pjazza San Ġorġ b’mużika Blues u Jazz mit-8.30 ta’ filgħaxija sal-10.30 ta’ billejl.
Voluntiera tal-Fondazzjoni Valletta 2018 “Tal-Kultura” se jkunu preżenti matul il-festival kollu biex jiggwidaw lill-pubbliku lejn il-ġonna. B’donazzjoni lill-Malta Community Chest Fund, il-pubbliku jkun jista’ jħares lejn l-infiorata mit-twieqi tal-Palazz tal-Granmastru li jagħtu fuq il-Pjazza San Ġorġ.