Il-Fondazzjoni Valletta 2018 dalgħodu nediet Discover Valletta – serje ta’ rakkonti qosra dwar persunaġġi u postijiet relatati mal-Belt Kapitali tagħna, rrekordjati f’format awdjo fuq MP3 players. Dawn ser jitqassmu lill-istudenti kollha tal-ewwel sena tas-sekondarja fl-iskejjel tal-istat, tal-knisja u dawk indipendenti.

Fl-indirizz tiegħu lill-ġurnalisti wara żjara mat-tfal mill-Kulleġġ San Ġorġ Preca, Skola Primarja tal-Belt u l-Kulleġġ San Albert il-Kbir, fil-Forti Sant’Iermu u il-Kappella tal-Madalena, iċ-Ċermen tal-Fondazzjoni Valletta 2018 Jason Micallef qal: “Discover Valletta jieħu lill-istudenti fi vjaġġ affaxxinanti dwar l-istorja tal-Belt”.

“Dan il-proġett, li qed jintlaqa’ tajjeb ħafna mill-istudenti u l-għalliema, ġie ispirat mill-fatt li anke tfal li jgħixu fil-Belt Valletta kienu jafu ftit dwar postijiet storiċi u ta’ importanza fil-Belt għalkemm huma kburin ħafna biha,” innota Jason Micallef. “Eluf ta’ kits se jiġu mqassma lill-istudenti tal-ewwel sena tas-sekondarja fl-iskejjel tal-istat, tal-Knisja u dawk indipendenti, bħala għodda li tgħinhom waqt zjarat kulturali, kull sena sal-2018.

Filwaqt li faħħar l-inizjattiva, il-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo qal: “Investiment fl-edukazzjoni u għalhekk fil-bini ta’ ħiliet u kapaċità huwa importanti daqs, jekk mhux aktar importanti minn, investiment fir-restawr u r-riġenerazzjoni ta’ bini”.

Huwa inkoraġġixxa lill-istudenti biex japprezzaw is-sbuħija tal-Belt filwaqt li spjega kif il-Belt Valletta hija waħda minn ftit bliet li ġiet ippjanata u mibnija bħala belt u li serviet ukoll ta’ mudell għall-bini ta’ Washington fl-Istati Uniti.

Discover Valletta jibni fuq il-bżonn ta’ kultura ġdida ta’ tgħalim bl-użu tat-teknoloġija biex tgħin lill-istudenti jiskopru informazzjoni storika b’mod divertenti. Il-proġett jipprovdi lill-għalliema b’għodda u riżorsi ġodda u jgħinhom jaqsmu l-għarfien tagħhom.

Kull kit ta’ Discover Valletta jikkonsisti f’MP3 player, b’24 trekk b’informazzjoni bilingwi, li tiddeskrivi l-istorja ta’ 24 sit fil-Belt, kif ukoll flashcards b’informazzjoni divertenti u edukattiva dwar kull post. Mappa tal-Belt li sservi biex tiggwida lill-istudenti biex jimxu minn post għal post, hija inkluża ukoll f’Discover Valletta.

Miktuba minn Trevor Zahra, l-istejjer jinkoraġġixxu lill-istudenti jiskopru elementi ġodda tal-Belt u jerġgħu jikkonsidraw leġġendi u stejjer minn perspettiva ġdida. L-istudenti se jkunu jistgħu jżommu l-kit tagħhom u b’hekk ikunu jistgħu jerġgħu jżuru l-Belt Kapitali flimkien ma’ membri tal-familji tagħhom biex ikunu jistgħu jgħixu din l-esperjenza flimkien.

L-kits Discover Valletta li huma sponsorjati mill-Bank of Valletta u li għandhom l-appoġġ sħiħ tal-Ministeru tal-Edukazzjoni, qed jitqassmu lill-istudenti kollha tal-ewwel sena tas-sekondarja fil-vjaġġ lejn l-2018.