Aħna Refuġjati, l-opra progressiva mwettqa minn Valletta 2018, se tintwera għall-ewwel darba s-Sibt li ġej 31 ta’ Awwissu, fuq il-Fosos tal-Furjana. It-tieni rappreżentazzjoni se tittella’ nhar il-Ħadd 2 ta’ Settembru.

Aktar minn 150 ruħ qed jaħdmu fuq Aħna Refuġjati, li issa tinsab biss ġimgħa ’l-bogħod. ’Il-fuq minn 100 persuna se jkunu fuq il-palk, inklużi 10 kantanti prinċipali, kor ta’ 35 ruħ, 8 akrobati u madwar 30 extra. Fl-istess waqt, aktar minn 50 ruħ se jkunu qed jaħdmu minn wara l-kwinti. Dawn jinkludu persuni li jagħmlu l-irtokk, kostumisti u persuni li jieħdu ħsieb l-armar tal-palk, fost oħrajn.

Fost il-membri tal-kast insibu lil Miriam Gauci, José Hernàndez Pastor, Joseph Zammit, Clare Ghigo, Federica Falzon, Nico Darmanin, Ruth Sammut Casingena, Nadia Vella, Louis Andrew Cassar u Joseph Lia.

L-għan ta’ din l-opra hu li jitqanqal il-ħsieb u li tinħoloq diskussjoni, sabiex jitqajjem djalogu san dwar kwistjonijiet kurrenti li sfortunatament ftit li xejn nitkellmu dwarhom fil-miftuħ. Valletta 2018 temmen bis-sħiħ li l-arti tista’ tkun katalista f’dan il-proċess, għalhekk dejjem tfittex li toħloq opportunitajiet li jrawmu skambju kreattiv fuq sfond artistiku.

B’librett miktub minn Mario Philip Azzopardi, li hu wkoll id-direttur ta’ din il-produzzjoni, Aħna Refuġjati tirrakkonta l-isfidi li tiltaqa’ magħhom familja Sirjana li jkollha taħrab minn pajjiżha minħabba l-gwerra, fosthom il-qsim tal-fruntieri, in-nuqqas ta’ drittijiet bażiċi tal-bniedem, ir-razziżmu, is-separazzjoni u t-telf, fuq vjaġġ motivat mit-tama għal ħajja aħjar ’il bogħod mill-gwerra. Mill-kundizzjonijiet xejn sbieħ fil-kamp tar-refuġjati, għall-ġuħ, il-firda, id-disgwit, u anke l-imħabba u mumenti qosra ta’ kuntentizza, din l-opra tippreżenta spettru wiesa’ ta’ emozzjonijiet umani.

B’mużika ta’ Mario Sammut u Richard Merill Brown, din l-opra se tkun esperjenza awdjoviżiva ġdida, hekk kif il-ħsejjes ta’ 184 instrumentalist, li ġew maħluqa b’mod virtwali minn Mario Sammut ġewwa l-istudju tiegħu, bl-għajnuna ta’ teknoloġija mużikali mill-aktar avvanzata, se jipprovdu esperjenza akustika unika għall-udjenza preżenti fuq il-Fosos. Dan l-użu ta’ teknoloġija elettronika, li spiss insibuh fid-dinja taċ-ċinematografija, jikkumplimenta tajjeb ħafna l-istil orkestrali u korali aktar tradizzjonali ta’ Richard Merill Brown, li hu wkoll id-direttur mużikali tal-produzzjoni. Dan jagħmel lil Aħna Refuġjati tassew opra progressiva.

Għalkemm l-opra hi miktuba u ppreżentata kollha kemm hi bil-Malti, se jintwerew sottotitli bl-Ingliż kif ukoll bil-Malti, biex b’hekk l-udjenza kollha tkun tista’ ssegwi dak li jkun qed jiġri fuq il-palk.

Iċ-Ċermen ta’ Valletta 2018 Jason Micallef qal li “Aħna Refuġjati hi parti mill-istaġun tal-opra. Dan l-aħħar kien hemm kritika rigward is-suġġett li titratta l-opra minħabba li fit-titlu hemm il-kelma ‘refuġjati’, pero din il-produzzjoni ma titkellimx favur jew kontra iżda titkellem dwar is-sitwazzjoni, u b’hekk, din l-opra tista’ twassal messaġġ ta’ kompassjoni kif ukoll messaġġ edukattiv.” Tenna li jinsab kuntent li MOAS u UNHCR kienu parteċipi f’dan il-proġett.

Waqt iż-żjara tiegħu fil-ħin tal-provi, il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici ddeskriva kif Aħna Refuġjati turi kif l-arti tista’ tkun mezz ta’ komunikazzjoni li b’mod kreattiv jitwassal messaġġ. Huwa qal li “din l-opra Maltija li hi l-ewwel tat-tip tagħha hija prova konkreta ta’ kemm qegħdin ninvestu u nistinkaw f’dan is-settur, biex inkomplu nżidu l-aċċessibbiltà għalih u biex insaħħu l-professjonalizzazzjoni f’din in-niċċa ekonomika li kulma jmur dejjem qed tħalli aktar frott. L-għan tagħna huwa li dejjem noffru pakkett varjat fid-dinja kulturali u artistika li jista’ jolqot lil kulħadd, sabiex inkomplu nippromwovu kultura aċċessibbli, filwaqt li ngħinu lill-artisti tagħna sabiex ikomplu jiżviluppaw u jsaħħu t-talenti tagħhom bis-saħħa ta’ inizjattivi ta’ din is-sura.”

Is-Segretarju Parlamentari għal-Protezzjoni tal-Konsumatur u Valletta 2018, Deo Debattista spjega li dan it-talent Malti għandu tema attwali li tirrifletti l-ispirtu Ewropew.

Akkwista l-biljetti tiegħek illum minn tickets.valletta2018.org u idħol fiċ-ċans li tirbaħ iPhone X meta tuża l-kodiċi promozzjonali VALIPHONEX qabel il-ħlas. Termini u kundizzjonijiet japplikaw.

Aħna Refuġjati hi organizzata mill-Fondazzjoni Valletta 2018, b’kollaborazzjoni mal-Kunsill Lokali tal-Floriana, il-Korporazzjoni għar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir, il-Forzi Armati ta’ Malta, Transport Malta, u Mad About Video. L-opra hija parti mill-Programm Kulturali ta’ Valletta 2018.

 

Valletta 2018 Premium Partners: General Soft Drinks Co. Ltd., Coca Cola, Bavaria and Bank of Valletta