Is-seba’ żgħażagħ Maltin rebbieħa tal-kompetizzjoni ‘Create Your World’ għal żgħażagħ ta’ taħt id-19-il sena, organizzata minn Valletta 2018, ivvjaġġaw lejn Linz fl-Awstrija matul l-ewwel ġimgħa ta’ Settembru, biex jattendu l-festival prestiġjuż Ars Electronica.

Matul il-vjaġġ tagħhom ta’ erbat ijiem, iż-żgħażagħ kellhom iċ-ċans li jżuru l-Festival Ars Electronica kif ukoll jiskopru partijiet mill-belt, jiltaqgħu ma’ rebbieħa oħra mill-Awstrija, jinteraġixxu mal-proġetti esibiti u jitkellmu dwar il-kreazzjonijiet tagħhom. Il-proġett li rebaħ il-‘Grand Prize’ u ż-żewġ proġetti rebbieħa tal-premjijiet ‘Distinction’ ġew esibiti fil-Festival Ars Electronica, f’taqsima speċjali ddedikata għaż-żgħażagħ. Matul iċ-Ċerimonja tal-Għoti tal-Premjijiet li saret fis-7 ta’ Settembru, ġie ċċelebrat numru impressjonanti ta’ proġetti li kienu parti mill-kompetizzjoni ‘Under 19′ fl-Awstrija, kif ukoll numru ta’ rebbieħa inkluż il-grupp ta’ żgħażagħ minn Malta li ġew rikonoxxuti bħala l-ewwel rebbieħa tal-edizzjoni Maltija ta’ din il-kompetizzjoni prestiġjuża, li saret f’pajjiżna għall-ewwel darba.

Nicholas Conrad rebaħ il-‘Grand Prize’ ta’ €2000 bil-proġett tiegħu, ‘Musical Weather Station’, filwaqt li l-App ‘Freehour’ ta’ Zack Ciappara u ‘Astrobot’ ta’ Mia Gauci u Amy Portelli kienu r-rebbieħa tal-premju ‘Distinction’. Mia Gauci u Amy Portelli ingħataw ukoll il-Premju speċjali ta’ Esplora għal parteċipanti ta’ taħt l-14-il sena għax-xogħol tagħhom. Charlotte Formosa u Cara Borg Aquilina rebħu il-premju ‘Merit’ bil-proġetti rispettivi tagħhom ‘Music in the Capital’ u ‘Toolbox for Peace’. L-iżgħar rebbieħ kien Thiago Jo Said, li rebaħ il-Premju Esplora għal parteċipanti ta’ taħt l-10 snin bil-proġett tiegħu, ‘Fighting in the Arena’.

Se titwaqqaf wirja speċjali fiċ-Ċentru Interattiv għax-Xjenza Esplora f’Novembru 2018, fejn ix-xogħol tar-rebbieħa se jkun esibit. Din l-esibizzjoni se timmarka kisba importanti li tirriżulta mill-kollaborazzjoni ta’ sentejn bejn Valletta 2018 u Ars Electronica. Din il-kollaborazzjoni ġiet imsaħħa permezz tal-kontribuzzjoni ta’ Ars Electronica għall-attivitajiet imwettqa b’kollaborazzjoni maċ-Ċentru Interattiv għax-Xjenza Esplora matul il-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fl-2017.

F’Marzu 2018, Valletta 2018 ħarġet sejħa miftuħa għas-sottomissjoni ta’ proġetti. Iż-żgħażagħ kollha ta’ taħt id-19-il sena ġew mistiedna jipparteċipaw f’din il-kompetizzjoni kreattiva, fejn kellhom iċ-ċans li juru x-xogħol tagħhom u l-kreattività tagħhom bit-tema ta’ ‘Oħloq id-Dinja Tiegħek’. Il-parteċipanti setgħu jissottomettu xogħol ta’ kwalunkwe forma, inklużi arti diġitali, mekkanika, teknoloġija, mużika, proġetti soċjali, u anke ideat futuristiċi innovattivi dwar id-dinja li ngħixu fiha.

Il-Kompetizzjoni ‘Under 19′ waslet f’Malta għal Valletta 2018, bħala parti mill-Programm Kulturali tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura, permezz tal-kollaborazzjoni ma’ Prix Ars Electronica u l-Ars Electronica Festival f’Linz, l-Awstrija, kif ukoll maċ-Ċentru Interattiv għax-Xjenza Esplora.

 

Valletta 2018 Premium Partners: General Soft Drinks Co. Ltd., Coca Cola, Bavaria and Bank of Valletta