Fil-31 ta’ Awwissu u fit-2 ta’ Settembru fuq il-Fosos tal-Furjana, Valletta 2018 ser ittella’ l-opra l-ġdida u oriġinali Aħna Refuġjati.
Din l-opra hi miktuba kompletament bil-Malti. Aħna Refuġjati tindirizza realtajiet kurrenti fir-reġjun Ewro-Mediterranju fosthom il-prezz li jħallas il-bniedem minħabba l-immigrazzjoni u t-tema universali tat-telf li jirriżulta mill-konvenjenza politika, ir-razziżmu u l-preġudizzju.
Il-kast jinkludi artisti ta’ fama lokali u internazzjonali, bis-sopran Miriam Gauci, il-kontratenur José Hernàndez Pastor, it-tenur Joseph Zammit u l-mezzo soprani Clare Ghigo u Federica Falzon fl-irwoli ewlenin. Gauci u Pastor se jkunu qed jinterpretaw il-parti tal-ġenituri, Eleja u Shari, filwaqt li Zammit, Ghigo u Falzon se jidhru bħala l-karattri ta’ Hamid, Saja u Darit, it-tlett itfal tal-koppja. Vuċijiet b’saħħithom oħrajn jinkludu dawk tat-tenur Nico Darmanin li għandu l-irwol ta’ Karl, voluntier żgħażugħ; is-soprani Ruth Sammut Casingena u Nadia Vella fl-irwoli ta’ Fatima u Diva; il-baxx-baritonu Louis Andrew Cassar fl-irwol ta’ Mirani, attivist, u l-baritonu Joseph Lia fl-irwol ta’ fizzjal.
Aħna Refuġjati, b’mużika ta’ Mario Sammut u Richard Merill Brown, direzzjoni mużikali ta’ Richard Merrill Brown u direzzjoni ta’ Mario Philip Azzopardi, hija l-ewwel xogħol operistiku ta’ Sammut wara li għal xi żmien ħadem fuq diversi proġetti internazzjonali u lokali.
Aħna Refuġjati tirrakkonta l-istorja ta’ Eleja, martu Shari, u t-tliet uliedhom ta’ 20 sena, 18-il sena u 10 snin, li wara li jesperjenzaw diversi atroċitajiet waqt il-gwerra ċivili, jaħarbu minn pajjiżhom bit-tama ta’ ħajja aħjar fl-Ewropa. L-opra turi l-isfidi li tiltaqa’ magħhom din il-familja, fosthom il-qsim tal-fruntieri, in-nuqqas ta’ drittijiet bażiċi tal-bniedem, ir-razziżmu, is-separazzjoni u t-telf, fuq vjaġġ motivat mit-tama.
Għalkemm l-opra hija kompletament bil-Malti, tinkludi surtitli bl-Ingliż kif ukoll bil-Malti.
Aħna Refuġjati se tittella’ fil-31 ta’ Awissu u fit-2 ta’ Settembru fid-21.00, fuq il-Fosos, il-Furjana.
Biex tirriżerva l-biljetti tiegħek żur tickets.valletta2018.org. Dawk li jixtru l-biljetti qabel il-31 ta’ Lulju 2018 se jidħlu fiċ-ċans li jirbħu iPhone X meta jużaw il-kodiċi promozzjonali VALIPHONEX qabel il-ħlas. Għal aktar informazzjoni żur valletta2018.org. Termini u kundizzjonijiet japplikaw.
Aħna Refuġjati hi organizzata mill-Fondazzjoni Valletta 2018, b’kollaborazzjoni mal-Kunsill Lokali tal-Floriana, il-Korporazzjoni għar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir, il-Forzi Armati ta’ Malta, Transport Malta, u Mad About Video. L-opra hija parti mill-Programm Kulturali ta’ Valletta 2018.