Filwaqt li s-sena tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura ntemmet b’mod uffiċjali fil-15 ta’ Diċembru, il-Programm Kulturali ta’ Valletta 2018 baqagħlu avveniment kbir tal-aħħar: iċ-ċelebrazzjonijiet uffiċjali ta’ lejliet l-Ewwel tas-Sena fil-belt kapitali, li jinkludu kunċert live minn Ira Losco.
Għal darb’oħra, fil-31 ta’ Diċembru l-palk prinċipali se jkun fi Pjazza San Ġorġ, fejn se jkun hemm il-parteċipazzjoni ta’ wħud mill-aqwa artisti lokali. Dħul huwa bla ħlas.
Id-duo lokali Xarulù se jagħtu bidu għas-serata fit-8.30pm, segwiti minn waħda mill-akbar artisti f’pajjiżna, Ira Losco, akkumpanjata mill-band tagħha.
“Il-pubbliku jattendi bi ħġaru għaċ-ċelebrazzjonijiet ta’ Lejliet l-Ewwel tas-Sena fil-Belt, u dawn il-festeġġamenti deċiżament se juru l-livell ta’ kwalità għolja li ntlaħqet matul l-avvenimenti ta’ din is-sena,” qal il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici. “Hekk kif qegħdin nagħlqu din is-sena meraviljuża, wieħed ma jistax ma jħarisx lura lejn il-kisbiet sbieħ li saru f’din is-sena dedikata għall-kultura, li żgur se jservu bħala pjattaforma biex inkomplu nsaħħu s-settur kulturali,” kompla jgħid il-Ministru Bonnici.
Ira se tkun qed tkanta l-aktar kanzunetti popolari fir-repertorju tagħha, fosthom What I’d Give, Me Luv U Long Time u l-kanzunetta l-ġdida tagħha One in a Million, li hi parti mis-seba’ album tagħha bl-isem ta’ No Sinner No Saint. Corazon Mizzi u Owen Bonnici se jkunu l-preżentaturi matul is-serata.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Protezzjoni tal-Konsumatur u Valletta 2018 Deo Debattista qal li, “Matul din is-sena, pajjiżna kien mogħni b’aktar minn 400 attività kulturali għal Valletta 2018. Lil hinn minn dawn l-attivitajiet, fi tmiem is-sena se nsegwu spettaklu mill-isbaħ biex nagħlqu s-sena u nsellmu sena ġdida. Dan l-avveniment se jiftaħ il-bibien għal xi ħaġa ikbar.”
Iċ-Chairman tal-Fondazzjoni Valletta 2018 Jason Micallef qal li “Se nilqgħu l-2019 flimkien b’attività kbira, atmosfera speċjali ta’ poplu wieħed, u spettaklu enormi minn diversi bands u artisti. Is-sorpriżi ma jonqsux. L-ispettaklu se jkun mifrux fi Pjazza San Ġorġ u anke fit-toroq l-oħra tal-Belt inkluż quddiem il-Qorti u fi Pjazza Teatru Rjal sabiex kulħadd ikun jista’ jkun parti minn din iċ-ċelebrazzjoni.”
Wara l-kunċert ta’ Ira Losco, DJ Pierre Cordina se jkun qed idoqq taħlita tal-aqwa kanzunetti tal-2018, li se jwasslu għall-countdown ftit sekondi qabel it-tokki ta’ nofsillejl. DJ Mykill se jagħlaq is-serata, akkumpanjat minn trumbetti live.
Corazon Mizzi u Owen Bonnici se jkunu l-preżentaturi matul is-serata. Ma jonqsux l-effetti speċjali fuq il-palk u l-murtali, sinonimi ma’ dawn iċ-ċelebrazzjonijiet, li se jilqgħu s-Sena l-Ġdida f’atmosfera maġika u kkulurita.
Dakinhar, is-servizz tal-Park and Ride tal-Furjana kif ukoll is-servizzi tal-karozzi tal-linja u l-Ferry Services lejn u mill-Belt Valletta se jiġu estiżi sas-2AM.
Iċ-ċelebrazzjonijiet ta’ Lejliet l-Ewwel tas-Sena fil-Belt Valletta qed jiġu organizzati mill-Fondazzjoni Valletta 2018, b’kollaborazzjoni ma’ G7 Events, il-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta, l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, il-Ministeru għat-Turiżmu, u l-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali.
Valletta 2018 Premium Partners: General Soft Drinks Co. Ltd., Coca Cola, Bavaria u Bank of Valletta