Ir-reġistrazzjoni sabiex tipparteċipa f’Darba Waħda, proġett ta’ Valletta 2018 li jfittex li jtaffi d-distanza ġenerazzjonali bejn it-tfal u l-anzjani permezz tal-irrakkuntar ta’ stejjer, drama, logħob, arti, u attivitajiet pjaċevoli oħrajn, issa hija miftuħa.
Is-sessjonijiet mingħajr ħlas, immexxija minn Anna Formosa, ser ikunu għaddejjin bejn il-bidu ta’ Marzu u nofs Mejju. Matul is-sessjonijiet il-parteċipanti jitgħalmu minn xulxin, jużaw l-imaġinazzjoni tagħhom, jiżviluppaw ħiliet ġodda, u jieħdu pjaċir f’ambjent kreattiv li jippromovi sens ta’ komunità.
Ir-Reġistrazzjoni hija miftuħa għall-adulti li għandhom ‘il fuq minn 60 sena li ġejjin minn dawn il-lokalitajiet: Ħ’Attard, Ħal-Lija, Ħal-Balzan, L-Iklin, Ix-Xagħra (Gozo), Ħal-Luqa, Ħal-Qormi u l-Gudja. Dawk kollha interessati li jipparteċipaw għandhom japplikaw fl-uffiċċju tal-Kunsill Lokali rispettiv tagħhom.
Il-lokalitajiet se jkunu miġbura fi gruppi u s-sessjonijiet se jsiru fi spazji allokati fiż-żona. Is-sessjonijiet għal Ħ’Attard, Ħal-Lija, Ħal-Balzan u L-Iklin se jsiru fil-Kulleġġ San Nikola, Skola Primarja Attard; sessjonijiet għal Ħal-Luqa, Ħal-Qormi u l-Gudja se jsiru fil-Kulleġġ San Injazju, Skola Primarja Ħal-Luqa; waqt li sessjonijiet għax-Xagħra f’Għawdex se jsiru fil-Kulleġġ t’Għawdex, Primarja Xagħra.
Is-sessjonijiet tax-Xagħra se jsiru nhar ta’ Erbgħa u jibdew fl-1 ta’ Marzu; dawk ta’ Ħal-Luqa se jsiru nhar ta’ Ħamis u jibdew fit-2 ta’ Marzu u s-sessjonijiet ta’ Ħ’Attard se jsiru nhar ta’ Tlieta u se jibdew fis-7 ta’ Marzu.
Għal aktar informazzjoni, żur il-paġna tal-Facebook ta’ Darba Waħda, www.valletta2018.org jew ibgħat e-mail fuq [email protected]
.