L-esibizzjoni interattiva ta’ arti viżiva ta’ Valletta 2018, Djar Eżiljati (Exiled Homes), hi proġett antropoloġiku u artistiku li jesplora u jaqsam stejjer ta’ ħaddiema Filippini li jaħdmu u jgħixu fi djar Maltin biex jieħdu ħsieb persuni anzjani. Din l-esibizzjoni se tiftaħ il-bibien tagħha għall-pubbliku fl-20 ta’ Ġunju fit-8pm, fiċ-Ċentru ‘Mill’ għall-Arti, Kultura u Krafts f’Birkirkara.
L-esibizzjoni tinkludi x-xogħol tal-artisti Aglaia Haritz u Abdelaziz Zerrou, kif ukoll ta’ ħmistax-il mara Filippina. Il-proġett Djar Eżiljati ġie mwettaq fi tlett fażijiet. Waqt l-ewwel fażi saret riċerka mill-antropologa Gisella Orsini, filwaqt li fit-tieni fażi l-artisti Aglaia Haritz u Abdelaziz Zerrou għamlu serje ta’ laqgħat ta’ diskussjoni flimkien man-nisa Filippini. It-tielet fażi hi l-esibizzjoni nnifisha, bir-riċerka u l-kreazzjonijiet li nħolqu minnha jiġu esibiti għall-pubbliku.
L-esibizzjoni Djar Eżiljati se tkun miftuħa għall-pubbliku bejn l-20 ta’ Ġunju u t-13 ta’ Lulju 2018, kull nhar ta’ Tnejn, nhar t’Erbgħa u nhar ta’ Ġimgħa bejn il-5pm u s-7pm, u kull nhar ta’ Sibt mill-4.30pm sat-8.30pm.