L-aktar esibizzjoni riċenti ta’ Valletta 2018, Cabinet of Futures, tnediet illum fiċ-Ċentru San Ġużepp Ħaddiem f’Birkirkara (is-sala tal-parroċċa). L-esibizzjoni, li tesplora futuri alternattivi b’mod kreattiv, tibqa’ miftuħa għall-pubbliku bla ħlas sal-24 ta’ Novembru.
Matul l-aħħar ftit xhur saru workshops mill-grupp tal-arti u l-kultura Awstrijak Time’s Up. Waqt dawn is-sessjonijiet, membri tal-pubbliku ġew mistiedna jaħsbu dwar il-ġejjieni ideali tagħhom biex virtwalment joħolqu dan il-futur b’mod kreattiv permezz tal-arti.
L-ideat iġġenerati matul dawn il-laqgħat ta’ ħidma jingħataw il-ħajja f’din il-wirja speċifika għas-sit li qed tittella’ fih. Din l-esibizzjoni immersiva toħloq atmosfera ta’ laboratorju “proto-xjentifiku”, u tistieden individwi u komunitajiet lokali biex jagħtu l-kontribut tagħhom fiha, billi jaħsbu fuq dak li jixtiequ jaraw u jesperjenzaw fil-futur.
Matul il-workshops, futuristi rinomati internazzjonalment ingħaqdu ma’ esperti u ċittadini lokali biex flimkien jaqsmu u jiddiskutu x-xenarji immaġinattivi, il-ħolm u t-tħassib tagħhom. Permezz ta’ skambju kreattiv kontinwu minn persuni li ġejjin minn kull qasam tal-ħajja, il-futuri ipotetiċi ppreżentati jsiru siti li qed jevolvu kontinwament f’dinjiet aktar sinjuri u dejjem iktar aċċessibbli.
Il-ħolqien ta’ futur li jista’ jiġi esperjenzat mill-pubbliku b’mod tanġibbli u interattiv tagħmilha faċli biex wieħed ikun jista’ jimmaġina l-futur b’mod aktar reali. Il-viżitaturi huma mistiedna jagħtu ħarsa lejn fabbriki, laboratorji jew aġenziji tal-ivvjaġġar kif forsi se jkunu jidhru fl-2047, u se jkollhom l-opportunità li jisimgħu konverżazzjonijiet ta’ kuljum bejn ċittadini tal-futur, jaqraw gazzetta mill-futur, u anke jieħdu diversi fuljetti u kartolini magħhom id-dar. L-udjenza hija mistiedna biex mhux biss tosserva iżda biex tinvestiga, biex tesplora b’mod kritiku dak li hemm madwarha u timmaġina kif wieħed jixtieq li d-dinja tkun fil-futur. Il-futur huwa post interessanti, kollha kemm aħna se nqattgħu l-bqija ta’ ħajjitna hemmhekk.
Se jsiru taħditiet fi Studio Solipsis fir-Rabat, filwaqt li se jsiru wkoll aktar workshops fl-istess post fejn qed tittella’ l-esibizzjoni f’Birkirkara matul Settembru u Novembru. Għal aktar informazzjoni żur valletta2018.org u segwi l-paġna ta’ Valletta 2018 fuq Facebook.
L-esibizzjoni se tkun miftuħa mit-Tlieta sal-Ħadd bejn l-16:00 u t-20:00, mill-24 t’Awwissu sal-24 ta’ Novembru 2018. Qed tittella’ fiċ-Ċentru San Ġużepp Ħaddiem, 71, Triq Bwuża, Birkirkara (is-sala tal-parroċċa).
Cabinet of Futures hi organizzata mill-Fondazzjoni Valletta 2018 bl-appoġġ tad-Diviżjoni tal-Arti u l-Kultura tal-Kanċellerija Federali tal-Awstrija, Linz Kultur, OOE Kultur, LINZ AG u Ecoduna.
Taħditiet u workshops:
It-taħditiet se jsiru fi Studio Solipsis fir-Rabat u l-workshops se jsiru fi ħdan iċ-ċentru tal-parroċċa.
Taħdita: Practical Utopia from Afar
01 Settembru 2018 / 6pm (Radical Recycling / Circular Economy)
09 Novembru 2018 / 6pm (Quality of Life / Human Scale)
16 Novembru 2018 / 6pm (Food Futures / Clean Cargo)
Workshop: A Practical Utopian Moment
02 Settembru 2018 / 2-5pm (Radical Recycling / Circular Economy)
10 Novembru 2018 / 2-5pm (Quality of Life / Human Scale)
17 Novembru 2018 / 2-5pm (Food Futures / Clean Cargo)
Workshop: An Afternoon Spent in a Practical Utopian State
03 Settembru 2018 / 10am-5pm (Radical Recycling / Circular Economy)
11 Novembru 2018 / 10am-5pm (Quality of Life / Human Scale)
13 Novembru 2018 / 10am-5pm (Quality of Life / Human Scale)
18 Novembru 2018 / 10am-5pm (Food Futures / Clean Cargo)
20 Novembru 2018 / 10am-5pm (Food Futures / Clean Cargo)
Valletta 2018 Premium Partners: General Soft Drinks Co. Ltd., Coca Cola, Bavaria and Bank of Valletta