‘European Eyes on Japan: Japan Today, Volume 20’, esibizzjoni fotografika ta’ Valletta 2018 li tiffoka fuq l-esperjenza ta’ żewġ fotografi Ewropej fil-Ġappun, se tiftaħ fi Spazju Kreattiv mill-31 ta’ Marzu.
L-esibizzjoni tinkludi l-fotografija ta’ Alexandra Pace, fotografa rinomata Maltija, kif ukoll Alice Wielinga, fotografa Olandiża. Dan il-proġett ta’ arti viżiva, taħt id-direzzjoni artistika ta’ Mikiko Kikuta, u kkurat minn Lisa Gwen Baldacchino, żar iżjed minn tletin Kapitali Ewropea tal-Kultura differenti mill-1999 l’hawn. Għal dan il-proġett, fotografi jqattaw xahar jgħixu fil-Ġappun waqt li jiddokumentaw l-esperjenza tagħhom permezz tal-fotografija.
Ir-ritratti f’din l-esibizzjoni juru żewġ perspettivi differenti tal-istil tal-ħajja Ġappuniż: il-ħajja ta’ kuljum ta’ persuni Ġappuniżi, rappreżentata fil-fotografija ta’ Pace, kif ukoll l-aspett ta’ ċelebrazzjoni, partikolarment il-festival ‘Nebuta’, rappreżentata fil-fotografija ta’ Wielinga. Dan kollu hu rifless f’dan il-proġett, li jfittex li jippreżenta l-Ġappun u l-kultura Ġappuniża lil pubbliku Ewropew mil-lenti ta’ żewġ artisti Ewropej.
‘European Eyes on Japan’ qed tittella wkoll b’kollaborazzjoni mal-Kapitali Ewropea tal-Kultura tewmija tagħna, Leeuwarden-Fryslận 2018, u l-Kumitat EU-Japan Fest, u hija wkoll parti mill-programm ta’ Spazju Kreattiv, kif ukoll il-programm VIVA. L-esebizzjoni se tittella’ bejn il-31 ta’ Marzu u d-29 ta’ April, 2018, fl-ispazji C1-4 ta’ Spazju Kreattiv, fil-Belt Valletta. Wara dawn il-ġranet, ‘European Eyes on Japan’ tibda triqitha lejn Leeuwarden u anke lejn il-Ġappun.