L-esibizzjoni interattiva ta’ Menekşe Samanci bl-isem ta’ Lost in Representation se tittella’ ġewwa l-Forti Sant’Iermu fil-Belt Valletta bejn is-27 ta’ Jannar u d-9 ta’ Frar 2019.

Il-Fondazzjoni Valletta 2018 u l-għaqda non-governattiva lokali tad-drittijiet tal-bniedem Kopin (VO/200) qed jikkollaboraw fuq din l-inizjattiva.

Lost in Representation titfa’ dawl fuq il-kriżi attwali tar-refuġjati u l-oġġettifikazzjoni tal-immigranti, u tistaqsi mistoqsijiet dwar il-modi li bihom jiġu rappreżentati, kemm politikament kif ukoll estetikament.

L-artista tuża oġġetti sinonimi mal-immigranti sabiex tagħti xeħta ġdida lill-modi li bihom dawn in-nies huma spiss rappreżentati fil-midja. Madankollu, l-oġġetti li tuża Samanci huma maħsuba biex jittieklu. Din il-kwalità u l-aspett performattiv tal-esibizzjoni huma ċentrali fix-xogħol ta’ Samanci.

L-artista ssajjar il-ħobż li tuża għall-esibizzjoni hi stess, billi tuża riċetta antika tal-Çörek, popolari fir-raħal tal-Kurdi ta’ Diyarbakir — art twelidha. Samanci mbagħad tuża l-istess ħobż biex toħloq il-forom ta’ laneċ u ġgieget tas-salvataġġ, li jegħrqu meta jmissu mal-ilma minflok joffru protezzjoni. Il-ħobż jieħu wkoll il-forma ta’ karti b’kitbiet dwar il-kriżi tar-refuġjati. Dawn il-karti jiġu preservati f’vażetti mimlija salmura, iżda jiddekomponu bil-melħ.

DSC_5534s

Immaġni ta’ oġġetti bħal-laneċ u l-ġgieget ta’ salvataġġ spiss jintużaw fl-Ewropa biex jirrappreżentaw ir-refuġjati, bl-intenzjoni li min jarahom iħoss xi ftit kompassjoni. Madankollu, l-użu ta’ oġġetti għar-rappreżentazzjoni tan-nies jista’ jkun problematiku, minħabba t-tendenza li r-refuġjati jispiċċaw jitilfu l-vuċi tagħhom waqt li l-oġġetti jsiru sinjali bla sens. Billi toħloq dawn l-oġġetti mill-ikel, l-artista tistieden lill-udjenza biex taħseb fil-fond dwar il-mod kif l-immigranti jiġu rappreżentati fil-midja.

Menekşe Samancı ilha taħdem bħala artista fir-residenza f’Malta minn Lulju 2018, iffinanzjata mill-Artist Protection Fund u l-Fondazzjoni Valletta 2018 u ospitata minn Kopin

Lost in Representation tiftaħ għall-pubbliku bejn is-27 ta’ Jannar u d-9 ta’ Frar fil-Forti Sant’Iermu, il-Belt Valletta. Il-ħinijiet tal-ftuħ huma mit-Tnejn sal-Ħadd bejn id-09.00 u l-17.00, bl-aħħar dħul fl-16.30. Il-miżati tad-dħul ta’ Heritage Malta japplikaw.