F’Awwissu, il-Fondazzjoni Valletta 2018 u l-Università ta’ Malta se jlaqqgħu flimkien kuraturi minn istituzzjonijiet internazzjonali tal-arti ewlenin u iktar minn 150 prattikant u student tal-arti lokali.
Permezz ta’ lezzjonijiet u workshops interattivi, l-Iskola Kuratorjali se tesplora varjetà ta’ suġġetti li huma rilevanti ħafna għan-netwerking professjonali, l-iżvilupp tal-karriera u l-istudju storiku u teoretiku tal-qasam kuratorjali mifrux.
It-tema tal-Iskola Kuratorjali ta’ din is-sena hija Curating the New. Il-parteċipanti se jesploraw kif kuraturi tal-arti kontemporanji jinnegozjaw l-ideat u jikkummissjonaw xogħol ġdid mill-artisti. Suġġetti oħra f’dan il-programm konvinċenti jinkludu, is-sjieda u d-definizzjoni ta’ ideat ‘ġodda’ f’wirjiet ikkurati, kif l-artisti u l-kuraturi bejniethom jinnegozjaw l-ideat ‘ġodda’ u l-prattiki emerġenti u l-midja ġdida, u liema djalogi ġodda jingħataw bidu mill-kuraturi bejn l-artisti fi group shows.
Fost il-kelliema internazzjonali mistiedna se jkun hemm Yuko Hasegawa (The Museum of Contemporary Art, f’Tokyo), Fumihiko Sumitomo (Arts Maebashi, fil-Ġappun), Renate Buschmann (Direttriċi ta’ imai, f’Dusseldorf), Antje Weitzel (The Berlin Biennale), Michaela Crimmin (The Royal College of Art, f’Londra), Sebastian Cichocki (The Museum of Modern Art ġewwa Varsavja), Nadim Samman (The Moscow International Biennale for Young Art) and Suzanne Wallinga (il-proġett A Tale of a Tub).
Serje ta’ workshops interattivi se jikkompletaw dan il-programm eċitanti, waqt li joffru l-okkażjoni lill-parteċipanti li jwieġbu għal kompiti li jiġu ppreżentati minn kuraturi mistiedna biex imbagħad jirċievu rispons estensiv lura dwar aspetti tal-kurazija, tal-produzzjoni u tal-preżentazzjoni ta’ ideat ġodda. Fost it-temi tal-workshops insibu, “Curating Light Art Projects in Public Space,” “Curating in a Maltese Context,” “Curating New Productions,” “Art in the Public Domain” u “From Concept to Exhibition.”
Id-Direttur tal-Iskola Kuratorjali Dr Raphael Vella qal li issa li jinsab fit-tielet sena tiegħu, dan il-programm ta’ ġimgħa sar punt stabbilit ta’ kuntatt bejn kuraturi internazzjonali u artisti jew kuraturi żgħażagħ ibbażati Malta. Dr Vella jemmen li l-Iskola Kuratorjali se toħloq opportunitajiet siewja ħafna biex kuraturi emerġenti jwettqu skambju ta’ ideat mal-kontropartijiet internazzjonali u jibdew aktar proġetti u relazzjonijiet fit-tul ma’ istituzzjonijiet barranin.
L-artisti, il-kuraturi u l-istudenti huma mħeġġa japplikaw sabiex jattendu ħalli l-karrieri tagħhom igawdu minn lezzjonijiet intwittivi u netwerking professjonali. L-applikazzjonijiet huma miftuħa fuq https://valletta2018.org/registration sal-24 ta’ Ġunju.