Għexieren ta’ eluf ta’ persuni llum ħonqu t-toroq tal-Belt Valletta, waqt Sfilata fil-Kapitali, u b’hekk dan kien proġett ieħor ta’ Valletta 2018 li ntemm b’suċċess!
Valletta 2018 tixtieq tirringrazzja lil dawk kollha li b’xi mod taw sehemhom biex din l-attività kienet waħda mill-isbaħ fil-kalendarju tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura, fosthom 18-il banda minn diversi lokalitajiet Maltin u l-mużiċisti tagħhom, 5 kumpaniji lokali taż-żfin b’aktar minn 360 żeffien, 22 rakkontatur, it-timijiet ta’ Min Imissu u Klassi Għalina, bosta voluntiera li taw il-ħin tagħhom għal dan il-proġett, dawk kollha li għenu fil-bini tal-annimali, il-ħaddiema tal-Fondazzjoni Valletta 2018, l-eluf ta’ persuni minn komunitajiet Maltin u Għawdxin li daħlu għal dan il-proġett bi ħġarhom, fosthom eluf ta’ tfal, anzjani u persuni b’diżabilità li ilhom jaħdmu fuq dan il-proġett għal diversi xhur, u fuq kollox, lill-għexieren ta’ eluf ta’ nies li għal darb’ohra reġgħu emmnu fil-Fondazzjoni Valletta 2018 u l-proġetti tagħha.
Il-jum intemm ftit tal-ħin ilu bi spettaklu kbir fi Pjazza Tritoni. Dan kien jinkludi party mid-DJ NEO-X kif ukoll żewġ rappreżentazzjonijiet taż-żfin. Fost dawk li pparteċipaw kien hemm żeffiena ta’ Spirit Dancers, Kinetic Dance Academy, The Dance Workshop, Artemocion Dance u Freestyle Dance Studio. Flimkien dawn tellgħu żewġ rappreżentazzjonijiet taż-żfin bl-isem ta’ Valletta: Love, Loss and Longing u Valletta Love Parade.
Matul il-jum ħadu sehem diversi baned lokali, fosthom il-Banda tal-Vitorja (Naxxar), Banda Santa Marija (Il-Mosta), Banda Madonna tal-Ġilju (Mqabba), Banda San Ġużepp (Għaxaq), Banda ‘Prince of Wales’ (Birgu), Banda Beland (Żejtun), Banda Tal-Grazzja (Żabbar), Banda tal-Paċi (Naxxar) u Banda Konti Ruġġieru (Rabat).
Spikka t-tbissim fuq wiċċ l-eluf ta’ tfal li akkumpanjaw lil dawn il-baned. It-tfal imxew wara l-mużiċisti bil-pupazzi tal-annimali li bnew. Fil-fatt, kien hemm attendenza numeruża għall-workshops tal-bini tal-annimali li saru wara nofsinhar fi Pjazza San Ġorġ.
Kien hemm attendenza numeruża wkoll ġewwa Pjazza Teatru Rjal, li kien ippakkjat bin-nies għat-tliet rappreżentazzjonijiet tal-parodija mill-komiċi popolari Maltin, Min Imissu u Klassi Għalina. Kienu wkoll bosta dawk li waqfu jisimgħu ir-rakkonti tal-istejjer fil-pjazez ewlenin tal-Belt matul il-jum.
Żur il-paġna ta’ Valletta fuq Facebook biex terġa’ tgħix uħud mill-aktar mumenti speċjali waqt Sfilata fil-Kapitali.