Wara s-suċċess ta’ dawn l-aħħar snin, Malta issa tista’ tiftaħar b’ċelebrazzjoni nazzjonali stabbilita ta’ Lejlet l-Ewwel tas-Sena. Din is-sena, din l-attività festiva hija waħda speċjali għal Malta minħabba li tagħti merħba lis-sena 2018, is-sena li fiha il-Belt Valletta se tkun qed tospita ċ-ċelebrazzjonijiet tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura.
Pjazza San Ġorġ għal darb’oħra se tospita l-palk ewlieni, b’xi wħud mill-aqwa artisti u gruppi lokali ta’ Malta. Barra minn hekk, l-edizzjoni ta’ din is-sena se tospita bosta attrazzjonijiet internazzjonali inklużi l-arti performattiva u viżiva.
L-artisti għas-serata jinkludu lill-mistiedna internazzjonali speċjali EMBER TRIO, trio tal-kordi new age li jgħaqqdu taħlita unika ta’ elementi tal-produzzjoni klassiċi u kontemporanji li jagħmilhom waħda mill-aktar trios tal-kordi crossover ta’ suċċess fl-Ewropa. Il-lista ta’ mużiċisti tinkludi lil Brass House Unit li se jinkludu lil Gianluca Bezzina, Ozzy Lino u Gloriana kif ukoll lil Kim u l-band. L-attività se tiġi ppreżentata minn Corazon Mizzi u Owen Bonnici.
Imbagħad jasal il-ħin għall-countdown mimlija enerġija, kif ukoll il-countdown arkitettonika 3D biex nilqgħu flimkien is-Sena l-Ġdida. DJ Mykill & trumpet Live se jagħlqu s-serata.
Iċ-ċelebrazzjonijiet ta’ Lejlet l-Ewwel tas-Sena qed jiġu organizzati mill-Fondazzjoni Valletta 2018, bil-kollaborazzjoni tal-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta, il-Ministeru għat-Turiżmu, il-Ministeru għall-Ġustizzja, il-Kultura u l-Gvern Lokali u G7 Events.