Notte Bianca – Lejl Imdawwal għal darb’oħra kienet suċċess kbir kemm fl-attendenza tan-nies kif ukoll fil-kwalità ta’ divertiment provdut. Din is-sena iktar minn 70,000 ruħ żaru l-Belt Valletta. Kull min żar l-ikbar festival Malti, mifrux minn fuq s’isfel tal-belt kapitali Maltija, kien espost għal madwar 90 attività varjata mill-oqsma kollha tal-arti fl-isfond tal-wirt arkitettoniku Belti.
Waqt żjara matul dan l-avveniment annwali, il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u l-Gvern Lokali Owen Bonnici qal kemm dan hu avveniment importanti fil-kalendarju kulturali ta’ pajjiżna għax joffri opportunità lill-pubbliku biex igawdi l-Belt Valletta. Il-Ministru Bonnici qal li dan kollu jkompli jibni fuq il-prijorità ta’ dan il-Gvern li nagħmlu l-kultura aktar aċċessibbli permezz ta’ wirjiet artistiċi u entraturi f’siti storiċi miftuħin għal kulħadd bla ħlas. Il-Ministru Bonnici rringrazzja lill-artisti u l-ħaddiema kollha li pparteċipaw fl-edizzjoni ta’ din is-sena u faħħar il-ħidma tagħhom li qed tkompli tgħolli l-livell tal-kultura f’pajjiżna.
Din is-sena Notte Bianca kellha kollaborazzjoni importanti – il-workshop ta’ La Fura dels Baus, fejn il-grupp teatrali Spanjol ħadem ma’ artisti minn Malta biex tellgħu spettaklu interattiv li kien jinkludi l-użu ta’ app. La Fura dels Baus se jkunu qed jagħtu spettaklu matul iċ-ċelebrazzjonijiet tal-ftuħ fl-20 ta’ Jannar 2018, fejn l-udjenza se tiġi involuta permezz ta’ akrobaziji ta’ barra.
Il-membri tal-pubbliku żaru Pjazza Valletta 2018, iż-żona chillout rilassanti fi Pjazza Kastilja. Il-viżitaturi saru jafu aktar il-Programm Kulturali tagħna filwaqt li gawdew minn popcorn b’xejn u installazzjoni minn Late Interactive, li kienet ikkummissjonata għal Science in the City fl-2016.
Notte Bianca issa tnewwel il-kappell tal-akbar avveniment annwali lil Valletta 2018 fejn il-Belt Valletta se tingħata t-titlu ta’ Kapitali Kulturali Ewropea s-sena d-dieħla biex tkompli tkun ta’ vetrina għall-qasam kulturali u kreattiv fuq skala nazzjonali.
Notte Bianca ttellgħet mid-Direttorat tal-Festival fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Arti taħt il-Ministeru tal-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali, bl-appoġġ tal-Fundazzjoni Valletta 2018, il-Kunsill tal-Belt Valletta, MSV Life, Farsons u PBS.