STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, KULTURA U GVERN LOKALI

Il-Fondazzjoni Valletta 2018 tħabbar il-ħatra ta’ Catherine Tabone bħala d-Direttur Eżekuttiv il-ġdid tal-Fondazzjoni

Catherine Tabone hija gradwata mill-Università ta’ Malta u Cambridge bi speċjalizzazzjoni fl-Istorja Kulturali. Għal dawn l-aħħar 13-il sena hija kellha diversi karigi maniġerjali fi ħdan l-amministrazzjoni pubblika ta’ Malta, u kienet ukoll il-kuratriċi tal-Palazz tal-Inkwiżitur fil-Birgu. Fl-2013 inħatret Direttur tal-Kultura u kienet responsabbli, fost oħrajn, mit-taħdidiet li saru waqt il-laqgħat dwar is-setturi kulturali, u awdjo-viżivi fi ħdan il-Presidenza ta’ Malta tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. Hija mexxiet il-proċess tar-ratifikazzjoni ta’ Malta tal-Konvenzjoni tal-UNESCO dwar il-Ħarsien tal-Wirt Intanġibbli, u ħadet ħsieb ukoll il-proġett storiku li sar bejn il-Gvern Malti, il-Kurja, u s-Santa Sede fil-Milied tal-2016. Hija ppubblikat numru ta’ xogħlijiet ta’ riċerka storika u għal diversi snin tat kontribut fil-qasam tal-kultura bħala membru attiv ta’ NGO lokali.

Is-Sinjura Tabone se tidħol f’din il-ħatra b’effett immedjat wara li s-Sur Karsten Xuereb, bi qbil mal-Fondazzjoni, se jimxi għal settur kulturali ieħor importanti, li huwa s-Supretendenza tal-Wirt Kulturali Malti li għandha l-uffiċċju tagħha fil-Belt Valletta. Sadanittant Margerita Pulè li kienet il-Kordinattrici tal-Programm Kulturali tal-Fondazzjoni Valletta 2018 ġiet offruta li taħdem fi rwol importanti ieħor fi ħdan entità kulturali governattiva oħra. Is-Sinjura Joanne Attard Mallia li kienet l-Assistenta Kordinattrici tal-Programm Kulturali tal-Fondazzjoni, inħatret bħala l-Kordinattrici tal-Programm Kulturali tal-Fondazzjoni.

Bil-kontra ta’ dak li kien irrappurtat f’xi sezzjoni tal-media lokali, il-Fondazzjoni tagħmilha ċara li ma keċċiet ebda persuna, u wisq anqas keċċiet lil waħda mill-artisti barranin li bħalissa għaddejja bix-xogħol tagħha ta’ kuratriċi ta’ waħda mill-esebizzjonijiet il-kbar li se jkun hemm fil-Belt Valletta s-sena d-dieħla bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet tat-titlu tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura fl-2018. Iċ-Chairman tal-Fondazzjoni Valletta 2018, Jason Micallef, żamm aġġornat il-ħin kollu lill-Bord tal-Gvernaturi tal-Fondazzjoni, qabel u waqt it-teħid tad-deċizjonijiet. Il-Bord tal-Gvernaturi tal-Fondazzjoni Valletta 2018 qabel mad-deċizjonijiet unanimament.

Il-Fondazzjoni Valletta 2018 tirringrazzja lil Karsten Xuereb għas-servizz li ta lill-Fondazzjoni kemm dam Direttur Eżekuttiv, kif ukoll lil Margerita Pulè u tixtieqilhom kull suċċess sabiex is-settur kulturali f’pajjiżna jibqa’ jogħla fil-livell u l-kwalità.