Il-Fondazzjoni Valletta 2018, flimkien mal-Għaqda Kultura u Armar, tippreżenta ‘Il-Passjoni ta’ Kristu fil-Belt Valletta’ – pageant madwar it-toroq u l-pjazez ewlenin tal-Belt Valletta, nhar is-Sibt 24 ta’ Marzu, 2018, fis-7pm. Il-pageant ser toħroġ mill-Palazz tal-Granmastru (il-Palazz tal-President), timxi lejn Triq ir-Repubblika, Triq Melita, Triq Merkanti, Triq San Kristofru, u lura lejn Triq ir-Repubblika. Il-passjoni ta’ Kristu tasal fit-tmiem fuq iz-zuntier tal-Konkatidral ta’ San Ġwann, fejn naraw l-aħħar mumenti tal-ħajja Tiegħu f’forma ta’ musical.
F’dan il pageant ser ikunu qed jieħdu sehem madwar 400 personaġġ bibliku, kemm mit-Testment il-Qadim kif ukoll mit-Testment il-Ġdid. Sabiex din il-pageant tingħata l-ħajja, ma jonqosx is-sehem ta’ bosta annimali.
Għal din l-okkażjoni speċjali, inkitbet kanzunetta oriġinali ġdida, b’lirika tal-poeta magħruf Ray Mahoney, flimkien ma’ Mark Tonna, u b’mużika ta’ Andrew Żammit. Inkiteb ukoll djalogu bejn Ġużeppi t’Arimatea u Nikodemu, San Ġwann u l-Madonna, bl-għajnuna tar-riċerkatur Ramon Fiott.
Fost il-kantanti li ser ikunu qed jagħtu s-sehem tagħhom f’din il-pageant insibu lil Debbie Scerri, Eleanor Cassar, Lydia, Renato Vella, Stephanie Vella, Nazio Rotin, Malcolm Camilleri, Steve Camilleri, Ishmael Grech, Charlene Cardona, kif ukoll kor tat-tfal.
Se jagħtu wkoll is-sehem tagħhom tlett baned Maltin ewlenin: l-Għaqda Mużikali Marija Annunzjata ta’ Ħal Tarxien, l-Għaqda Mużikali Beland taż-Żejtun, u l-Banda King’s Own tal-Belt Valletta. Fis-sitta u nofs ta’ filgħaxija, it-tnejn tal-ewwel se jkunu qed jimxu b’marċi funebri minn ħdejn il-Berġa ta’ Kastilja għal Triq Merkanti u jaslu ħdejn il-Palazz tal-President, filwaqt li l-Banda King’s Own se tkun qed titlaq b’sett marċi funebri minn ħdejn it-Teatru Rjal sa ħdejn il-Palazz, fejn imbagħad takkumpanja l-purċissjoni mat-triq.