Waqt il-preżentazzjoni ta’ billejl matul il-Valletta Pageant of the Seas, numru ta’ komponenti ntużaw biex ħolqu rappreżentazzjoni spettakolari billejl li dawwlet il-Port il-Kbir hekk kif beda l-programm fid-9pm.

28 dgħajsa tal-qlugħ mixgħula bi dwal, li ġarrew ukoll bnadar tal-istati membri Ewropej, taw wirja huma u deħlin fil-Port il-Kbir mill-jott marina tal-Kalkara. Dawn daru madwar il-palk li kien ankrat f’nofs il-port fuq barkun kbir.

Wara din ir-rappreżentazzjoni nawtika, kor kanta parti żgħira mill-opra ta’ Valletta 2018 Aħna Refuġjati għall-ewwel darba; opra li se titniedha bejn l-aħħar t’Awwissu u l-bidu ta’ Settembru ta’ din is-sena.

Waqt l-ispettaklu ta’ billejl dehret ukoll purtiera tal-ilma bi projezzjonijiet awdjo-viżivi fuqha. Din kienet segwita mill-preżentazzjoni tal-grupp minn Barċellona La Fura Dels Baus. Din ir-rappreżentazzjoni rat siġra mdawwla tinqasam min-nofs, waqt li figura ġganteska tal-Venere ta’ Malta telgħet mill-baħar u ġiet mgħollija fl-arja, b’diversi akrobatiċi mħarrġa minn La Fura Dels Baus jagħmlu l-akrobazija tagħhom fuqha.

Il-lejl ġie fi tmiemu bi spettaklu ta’ logħob tan-nar fuq il-Port il-Kbir.

 

Valletta 2018 Premium Partners: General Soft Drinks Co. Ltd., Coca Cola, Bavaria u Bank of Valletta