Il-Port il-Kbir se jospita l-ikbar spettaklu ta’ kull żmien waqt il-Valletta Pageant of the Seas li se ssir fis-7 ta’ Ġunju mill-5.30pm ‘il quddiem.

 La Fura Dels Baus se jagħtu wirja spettakolari, hekk kif se jirritornaw f’pajjiżna b’korjografija ġdida għall-Valletta Pageant of the Seas. Dawn tal-aħħar għamlu d-debutt tagħhom f’Malta waqt iċ-ċerimonja tal-ftuħ tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura fil-Belt Valletta, fejn tellgħu spettaklu kbir fi Pjazza Tritoni. In-narrattiva hi ispirata mir-relazzjoni li teżisti bejn Malta u l-baħar, u se tiġi ppreżentata minn parteċipanti Maltin li ħadmu id f’id mal-kumpanija Spanjola. Il-filosofija tal-grupp hi dik li tingħata definizzjoni ġdida għall-ispazju permezz tal-użu ta’ spazji mhux tas-soltu; kwalità li żgur li se toħroġ fil-beraħ waqt l-ispettaklu fil-Port il-Kbir.

Il-Grand Entry se tagħti bidu għall-ispettaklu; pageant epika fejn il-Granmastru, flimkien ma’ In Guardia, jidħol fil-Port il-Kbir fuq il-Fernandes li se jkun imżejjen apposta għall-okkażjoni, akkumpanjat minn numru ta’ dgħajjes privati. In Guardia se jkunu qed jakkumpanjaw lill-Granmastru waqt li lebsin l-ilbies tal-epoka sinonimu magħhom. Il-grupp hu magħruf għar-reċtar tal-epoka ta’ diversi avvenimenti storiċi f’Malta, u ha sehem ukoll f’wirjiet f’pajjiżi bħaċ-Ċina, il-Greċja, ir-Repubblika Ċeka, Sqallija u l-Ġermanja..

Il-programm għall-edizzjoni ta’ din is-sena tal-Valletta Pageant of the Seas, li hi wkoll parti mill-Programm Kulturali ta’ Valletta 2018, jibda’ wara nofsinhar fil-festa pubblika u jibqa’ sejjer sa tard filgħaxija, b’diversi attivitajiet sportivi binhar, u ċelebrazzjonijiet ikkuluriti billejl.

Waqt il-Valletta Pageant of the Seas, il-Port il-Kbir se jospita ballun tal-logħob tan-nar li se jikser ir-rekord. Dan ġie maħdum mill-kamra tan-nar ta’ Santa Katerina taż-Żurrieq, għandu dijametru ta’ 53 pulzier, u se jikser ir-rekord nazzjonali li nkiseb sentejn ilu, meta l-istess kamra tan-nar ħadmet ballun b’dijametru ta’ 38 pulzier li ġibed l-attenzjoni ta’ ġurnalisti u turisti madwar id-dinja. Dan il-ballun se jkun parti minn wirja piroteknika ikbar, li tikkonsisti f’logħob tan-nar fl-ajru kif ukoll fuq il-baħar sinkorinizzat mal-mużika, bil-parteċipazzjoni tal-kamra tan-nar ta’ San Ġorġ ta’ Ħal-Qormi, u l-kamra tan-nar tal-Indipendenza tal-Qrendi.

Apparti l-wirja ta’ piroteknika, wara nżul ix-xemx il-Port il-Kbir se jkun animat bi projezzjonijiet fuq purtiera tal-ilma, wirja ta’ iktar minn għoxrin dgħajsa tal-qlugħ imżejna bi bnadar u dwal u wirja esklussiva tal-opra mużikali Aħna Refuġjati li se titnieda uffiċjalment f’Awwissu 2018.

Matul il-jum se jkun hemm ukoll numru ta’ tlielaq kompetittivi. Il-pubbliku mistieden jipparteċipa fl-Għawma Toni Bajada; attività tal-għawm fejn parteċipanti se jgħumu fil-Port il-Kbir minn Forti Sant’Anġlu sal-Belt. Din l-għawma tiċċelebra lil Toni Bajada, li skont il-leġġenda kien jgħum bejn Sant’Anġlu u Sant’Iermu waqt l-Assedju l-Kbir biex jaqsam informazzjoni importanti li jkun irnexxielu jiġbor mill-Ottomani mal-Kavallieri. Dawk interessati li jipparteċipaw jistgħu jirreġistraw dakinhar stess f’Xatt il-Barriera (ħdejn il-Pixkerija l-antika), fl-4pm.

Se ssir ukoll regatta, fejn għadd ta’ qaddiefa Maltinu internazzjonali se jkunu qed jaqdfu mid-Dwana l-antika lejn Ras Ħanżir u lura. It-tim rebbieħ se jingħata l-Palju de Vallette; bandalora sewda disinjata minn Antoine Farrugia, mżejna b’disinn Barokk li jirrappreżenta s-seba’ distretti u d-dgħajjes li qed jieħdu sehem fir-regatta.

 

Iktar minn għoxrin parteċipant se jkunu qed jużaw il-kreattività tagħhom biex joħolqu r-raftijiet tagħhom minn materjal riċiklat mingħajr l-għajnuna ta’ mutur jew moqdief waqt it-Tellieqa Telliqun, filwaqt li tnax-il powerboat tat-tip Chaudron se jippreżentaw il-korjografija tagħhom fil-Port il-Kbir.

Għalkemm l-ispettaklu hu viżibbli minn diversi postijiet madwar il-Port il-Kbir, il-pubbliku hu mħeġġeġ li jsegwi l-ispettaklu min-naħa tal-Belt Valletta.

It-toroq bejn Evans Building u l-Għolja tal-Kurċifiss (ħdejn il-Valletta Waterfront) se jkunu magħluqa għat-traffiku (b’eċċezzjoni għar-residenti) bejn il-Ħamis 7 ta’ Ġunju fid-9AM u l-Ġimgħa 8 ta’ Ġunju fis-1AM.

Dan l-avveniment hu organizzat mill-Fondazzjoni Valletta 2018, b’kollaborazzjoni ma’ In Guardia, l-Awtorità Maltija tat-Turiżmu, Birkirkara St Joseph Sports Club, Għaqda Regatta Nazzjonali, Chaudron Powerboats, Surfside Charter Company Ltd, Mad About Video Ltd, La Fura Dels Baus, is-Soċjetà Mużikali ta’ Santa Katerina taż-Żurrieq, il-kamra tan-nar ta’ San Ġorġ, u l-Independent Fireworks Factory. Dan l-avveniment hu ssapportjat mill-Forzi Armati ta’ Malta, il-Pulizija ta’ Malta, id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, ir-Red Cross, il-kunsilli lokali rispettivi tal-Belt Valletta, l-Furjana, l-Isla u l-Kalkara, il-Kunsill Malti għall-Arti u Heritage Malta.

Għal iktar informazzjoni żur valletta2018.org.

Matul il-jum, il-midja tista’ taċċessa ritratti permezz ta’ dan il-link: https://www.flickr.com/photos/[email protected]/albums/72157667213802357 L-isem tal-fotografu (li se jkun abbinat ma’ kull ritratt) għandu jitniżżel kull darba li jiġi użat kull ritratt.

Valletta 2018 Premium Partners: General Soft Drinks Co. Ltd, Coca Cola, Bavaria and Bank of Valletta.

 

PROGRAMM TA’ ATTIVITAJIET

Valletta Pageant of the Seas 2018

Il-Ħamis, 7 ta’ Ġunju, 2018

THE GRAND ENTRY

Il-Granmastru, akkumpanjat minn membri ta’ In Guardia, jidħol fil-Port il-Kbir fuq il-Fernandes – li se jkun imżejjen għall-okkażjoni – akkumpanjat minn grupp ta’ dgħajjes private. Il-Fernandes ibaħħar sa Pinto 5, fejn il-Granmastru u In Guardia jiżbarkaw. Is-sidien tad-dgħajjes privati parteċipanti huma mistiedna joħorġu mill-port, inkella jankraw id-dgħajjes tagħhom f’sezzjoni apposta fil-port

Ħin: 5.30pm

 

REGATTA

Tmien dgħajjes tar-regatta Maltin u tmien dgħajjes internazzjonali jtellqu minn ħdejn id-Dwana l-antika sa Ras Ħanżir u lura f’forma ta’ trijanglu

Ħin: 6.15pm

 

TELLIEQA TELLIQUN

Tellieqa divertenti madwar il-port fuq raftijiet magħmulin mill-parteċipanti mingħajr l-użu ta’ mutur jew qdief. Ir-raftijiet huma kollha magħmula minn materjal riċiklat

Ħin: 6.45pm

 

GĦAWMA TONI BAJADA

Għawma f’linja dritta bejn Forti Sant’Anġlu u s-slipway ta’ Xatt il-Barriera. L-għawwiema kollha se jirkbu d-dgħajsa Atlantis minn ħdejn il-Pixkerija l-antika, u jiżbarkaw ħdejn Forti Sant’Anġlu minn fejn tibda t-tellieqa. Dawk interessati għandhom jirreġistraw dakinhar stess ħdejn il-Pixkerija l-Antika, fl-4pm

Organizzata minn: Birkirkara St Joseph Sports Club

Issapportjata minn: Red Cross, ALE Rafts u d-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili

Ħin: 7.00pm

 

WIRJA MINN CHAUDRON POWERBOATS

Tnax-il dgħajsa tat-tip Chaudron jidħlu fil-Port il-Kbir u jippreżentaw korjografija ta’ ħmistax-il minuta.

Ħin: 7.45pm

 

PAWŻA

8.00pm – 9.00pm

Varjetà mużikali:

Soċjetà Mużikali Santa Katerina Żurrieq                  – Xatt ta’ Liesse

Banda tal-Forżi tal-Pulizija ta’ Malta                       – Xatt ta’ Pinto

Escola de Samba Roma-Rio Samba Band – Swar ta’ Santa Barbara

Ċerimonja tal-għoti tal-premji se tittella’ f’Ta Liesse, fejn se jingħataw il-premji lir-rebbieħa tal-Għawma Toni Bajada, ir-regatta u t-Tellieqa Telliqun

 

WIRJA TA’ DGĦAJJES TAL-QLUGĦ

Tmienja u għoxrin dgħajsa tal-qlugħ, imżejna bi bnadar u dwar, jidħlu fil-port mill-yacht marina tal-Kalkara u jippreżentaw korjografija ta’ għoxrin minuta.

Ħin: 9.00pm

 

KOR

Kor ikanta biċċa mill-opra ġdida, Aħna Refuġjati

Ħin: 9.20pm

 

PROJEZZJONIJIET FUQ L-ILMA

Il-Port il-Kbir se jiġi animat bi projezzjonijiet awdjoviżwali fuq purtiera tal-ilma

Ħin: 9.45pm

 

LA FURA DELS BAUS

Wirja mill-grupp teatrali Spanjol, La Fura Dels Baus

Ħin: 10.05pm

 

GRAN FINALI

Wirja piroteknika fil-Port il-Kbir, li tinvolvi logħob tan-nar fuq numru ta’ riggijiet fl-ilma kif ukoll logħob tan-nar fl-ajru minn fuq Forti Rikasoli li se jikser rekord nazzjonali

Ħin: 11.00pm