Illum tnediet l-esibizzjoni Tactile: 12 Concealed Sculptures, wirja tal-arti bil-għan li tinvolvi individwi nieqsa mid-dawl fuq livell ugwali mal-bqija tal-komunità.

Il-wirja, li qed tittella’ bħala parti mill-Programm tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura ta’ Valletta 2018, b’kollaborazzjoni mal-Valletta Design Cluster u l-EU Japan Fest Japan Committee, tnediet illum fil-Kampus tal-Belt Valletta tal-Università ta’ Malta, fejn se tibqa’ miftuħa għall-pubbliku sal-4 ta’ Novembru.

Tactile hija maħluqa u kkurata minn Jesmond Vassallo, bil-parteċipazzjoni tal-artisti Omura Shunji, Kunie Fujiyoshi, Takashi Yukawa (Ġappun), Claire Fontana (Franza), Adriano Ciarla (l-Italja), Raymond Azzopardi, Joseph Chetcuti, Jonathan Galea, Noel Galea Bason, Paul Scerri, John Vassallo u Jesmond Vassallo nnifsu (Malta).

Tactile tiġbor flimkien 12-il skultura minn skulturi Maltin, Franċiżi, Taljani u Ġappuniżi fi spazju mingħajr dawl. Kull skultura hija moħbija mill-għajn, u b’hekk ma tħalli lill-viżitaturi l-ebda għażla oħra ħlief li jinteraġixxu magħha billi jużaw is-sens tal-mess, u għalhekk, tqajjem kuxjenza dwar kunċetti stabbiliti minn qabel tal-proċess “normali” ta’ kif wieħed jipperċepixxi l-arti viżiva.

Il-viżitaturi huma mitluba jilbsu l-maskra tal-għajnejn ipprovduta waqt li jkunu fl-ispazju tal-wirja. Waqt li jimxu minn skultura għall-oħra, il-viżitaturi se jkunu jistgħu jużaw subgħajhom biex iħossu d-deskrizzjonijiet ta’ kull xogħol artistiku bil-Braille. Din l-azzjoni mbagħad tagħti bidu għal reġistrazzjoni tal-awdjo li tikkorrispondi mat-test bil-Braille. Ix-xogħlijiet tal-arti se jintwerew biss f’forma ta’ ritratti f’katalgu tal-esibizzjoni li se jkun disponibbli wara l-għeluq tal-wirja.

Din l-esibizzjoni għandha l-intenzjoni li tnaqqas id-distakk bejn dawk nieqsa mid-dawl u dawk li jaraw, billi tagħti ċans lit-tnejn li huma jinteraġixxu mal-arti permezz ta’ esperjenza sensorja komuni. Tactile għandha l-għan li turi lil dawk imċaħħda mill-vista d-dinja li, fin-natura viżiva tagħha, tipikament teskludihom milli jinvolvu ruħhom magħha. Għandha wkoll l-għan li tiftaħ għajnejn il-pubbliku ġenerali, li se jkun involut fl-istess att ta’ perċezzjoni u interazzjoni mal-iskultura bħal dawk li huma nieqsa mid-dawl.

Tactile: 12 Concealed Sculptures qed tittella’ fil-Kampus tal-Università ta’ Malta ġewwa l-Belt Valletta bejn il-5 ta’ Ottubru u l-4 ta’ Novembru 2018. Il-ħinijiet tal-ftuħ huma mit-Tnejn sal-Ġimgħa bejn it-8am u l-5pm; Is-Sibt mill-10am sas-2pm; u l-Ħadd 4 ta’ Novembru (l-aħħar jum tal-wirja) mill-10 am sas-2pm. L-aħħar dħul huwa possibli 30 minuta qabel l-għeluq.

Għal aktar informazzjoni dwar il-wirja, żur tactileproject.com.

Tactile hija organizzata minn u bl-appoġġ ta’ Valletta 2018 u l-Valletta Design Cluster, b’kollaborazzjoni mal-EU Japan Fest Japan Committee. Tinkludi wkoll l-involviment tal-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità, GAVI – Gozo Aid for the Visually Impaired, Malta Society of the Blind, Torball Society of the Blind u Malta Guide Dogs Foundation.

 

Valletta 2018 Premium Partners: General Soft Drinks Co. Ltd., Coca Cola, Bavaria and Bank of Valletta