Bi pjaċir, Get Your Act Together iħabbar li Gianni Selvaggi u Lizzie Eldridge issa se jkunu qed jaħdmu ma’ mentors fuq l-iskripts li pproponew għal dan il-proġett. Iż-żewġ skripts se jkunu bbażati fuq it-temi tal-ħajja fuq gżira u s-sentiment li wieħed iħoss wara perjodu twil ta’ iżolament magħruf bħala ‘cabin fever’.

Il-moħħ wara dan il-proġett mifrux fuq sentejn huwa More or Less Theatre u qed isir bl-appoġġ tal-Fondazzjoni Valletta 2018 u l-Kunsill Malti għall-Arti. Il-proġett beda f’Marzu li għadda bil-għan li żewġ drammaturgi jingħataw gwida professjonali u fondi biex joħolqu skript għat-teatru kemm bil-Malti kif ukoll bl-Ingliż.

L-ewwel parti tal-proġett ikkonsistiet f’workshop ta’ ġurnata li sar f’Malta u anke f’Għawdex minn grupp ta’ professjonisti fil-qasam – l-attur u direttur Taljan Domenico Castaldo speċjalizzat fit-taħriġ tal-attur; l-edukatur u matematiku Spanjol Eduardo Sáenz de Cabezón li ġieli għamel diskorsi fuq Ted Talks dwar it-tagħqid tax-xjenza mal-komiċità u l-istejjer; l-antropologa Franċiża Dr Elise Billard li hija lekċerer fil-Kultura Materjali ġewwa l-Università ta’ Malta; u l-attur, direttur u drammaturgu Malcolm Galea, li huwa wkoll ko-produttur tal-proġett.

L-applikanti mbagħad ġew mitluba jressqu l-ideat tagħhom għall-iskripts. Il-finalisti – Gianni Selvaggi b’monologu li jindirizza l-kankru fl-irġiel, il-vizzji u s-saħħa mentali, u Lizzie Eldridge bi skript dwar l-ispazju komuni u l-kunflitt bejn komunitajiet fuq gżira u l-urbanizzazzjoni, is-suwiċidju u l-abbuż sesswali – intgħażlu mis-Sur Castaldo u s-Sur Sáenz de Cabezón, bl-għajnuna tal-Kamra Maltija tax-Xjentisti u t-tim ta’ Science in the City.

Fil-kummenti tagħha dwar l-esperjenza fuq il-proġett, Eldridge qalet li: “Din l-opportunità ġiet veru f’waqtha. Is-sena li għaddiet kont nominata għall-Premju Nazzjonali tal-Ktieb, u issa qed ningħata ċ-ċans nikteb ma’ mentor – xi ħaġa li qatt m’għamilt qabel – fi proġett li jgħaqqad il-ħiliet tiegħi bħala kittieba u dawk fil-qasam tat-teatru. Veru perfett!”

Is-Sur Selvaggi jħossu bl-istess mod u qal li din l-opportunità “se ttini ċ-ċans inkompli niżviluppa l-ħiliet tiegħi bħala kittieb u niskopri modi ġodda kif nuża t-tekniki korretti biex inħalli impatt, kemm bħala kittieb-direttur iżda wkoll bħala attur fuq il-palk.”

Iż-żewġ drammaturgi issa se jiltaqgħu mal-mentors rispettivi tagħhom (is-Sur Castaldo jew is-Sur Sáenz de Cabezón) u jibdew jaħdmu magħhom, anke bil-korrispondenza, biex ilestu l-ewwel verżjoni ‘raffa’ sal-avveniment Science in the City 2017 li jsir f’Settembru. L-iskripts imbagħad jiġu rfinuti skont il-kummenti li jirċievu mill-kritiċi u l-udjenzi, u l-verżjoni finali tittella’ waqt Science in the City 2018 qabel ma tmur fuq tour f’10 lokalitajiet differenti madwar Malta u Għawdex.

“Aħna kuntenti se ntiru bir-riżultat tal-ewwel parti tal-proġett,” qalet Angele Galea, il-koordinatur tal-proġett li tmexxi wkoll il-More or Less Theatre flimkien ma’ Malcolm Galea. “Din hija opportunità tad-deheb għal dawn iż-żewġ kittieba emerġenti, u aħna ħerqanin biex narawhom jittellgħu fuq il-palk f’Settembru!”

Bħala parti mill-proġett, iż-żewġ drammaturgi se jkollhom l-ispejjeż kollha marbutin mal-ħolqien, il-mentorship, l-ispejjeż biex jittellgħu fit-teatru u l-loġistika mħallsin mill-fondi tal-proġett Get Your Act Together.

Dan il-proġett għandu l-appoġġ tal-Fondazzjoni Valletta 2018 u l-Fond Malti għall-Arti fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Arti. Għal aktar tagħrif dwar Get Your Act Together, tistgħu żżuru http://fb.com/GYATMalta