Bħalissa ġewwa Pjazza San Ġorġ għaddejjin l-aħħar tħejjijiet għall-Għeluq Uffiċjali ta’ Valletta 2018, li se jsir nhar is-Sibt 15 ta’ Diċembru.

Valletta 2018 lesta biex tilqa’ lil kulħadd ġewwa l-qalba tal-Belt Valletta għall-Aħħar Festa: L-Għeluq Uffiċjali ta’ Valletta 2018, bi programm spettakolari ta’ rappreżentazzjonijiet, mużika, arti … u xi ftit sorpriżi ma jonqsux. L-attivitajiet jibdew mill-10am u jibqgħu sejrin sa tard billejl!

Għal din l-okkażjoni speċjali, Tribali ser joħolqu festa ta’ mużika u kulur ġewwa Pjazza San Ġorġ, grazzi għall-ħoss uniku tagħhom, filwaqt li l-artist Ozzy Lino se jingħaqad mal-banda popolari Brass House Unit għal kunċert mimli mużika li żgur li se ġġiegħel lill-udjenza tiżfen u tkanta. Dan u ħafna aktar fuq il-palk prinċipali fi Pjazza San Ġorġ mis-6.30pm ‘il quddiem, fil-kumpanija tal-preżentaturi Mireille Bonello u Svetlana Muscat.

Moveo Dance Company, DJ NeoX u l-Kor ta’ Valletta 2018 ukoll se jwettqu rappreżentazzjonijiet fuq il-palk prinċipali.

Filwaqt li r-rappreżentazzjonijiet fi Pjazza San Ġorġ jibdew fis-6.30pm, L-Aħħar Festa għandha ħafna aktar x’toffri hekk kif l-avveniment uffiċjali tal-għeluq jibda fl-4.00pm bi programm ta’ attivitajiet mifrux madwar il-Belt li jfakkar numru ta’ proġetti u attivitajiet li saru matul is-sena.

Mewġa Mużika ser jaqsmu l-imħabba tagħhom għall-mużika mal-pubbliku b’żewġ rappreżentazzjonijiet fi Pjazza Teatru Rjal, fl-4.30pm u l-5.30pm rispettivament.

Fil-5pm ġewwa Triq it-Teatru l-Antik se jkun hemm wiri ta’ films u installazjoni minn Magna Żmien: proġett ta’ Valletta 2018 immirat lejn id-diġitizzazzjoni ta’ filmat qadim minn kollezzjonijiet personali li nġabru minn djar Maltin. Titlifx dan iċ-ċans biex tara n-narrattivi viżivi maħluqa minn Magna Żmien. Tista’ wkoll tinteraġixxi mal-Magna tal-Memorji Meraviljużi, Kapsula Merill!

Il-marjunetti ġganti tal-Big Dancers għandhom xi sorpriżi lesti wkoll. Kun ċert li tarahom jiżfnu madwar it-toroq tal-Belt Valletta mill-5.30pm ‘il quddiem!

ŻfinMalta u Valletta 2018 se jingħaqdu għal rappreżentazzjoni interattiva bl-isem ta’ Ballroom ġewwa s-Suq tal-Belt fis-6pm. Ir-rappreżentazzjoni hija ispirata mill-proġetti ta’ Valletta 2018 Jump u Dance4All.

Il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ se jingħaqad ma’ Valletta 2018 u l-artista Charlie Cauchi għall-esibizzjoni Sempre Viva. Imsejħa għall-pjanta indiġena li tikber max-xatt tal-blat tal-Gżejjer Maltin, din il-wirja tikkonsisti f’xogħol ġdid meħud minn materjal miġbur mill-proġett ta’ Charlie Cauchi, Latitude 36. Il-wirja se tkun miftuħa għall-pubbliku mill-10am ‘il quddiem ġewwa l-bitħa interna tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ.

Spazju Kreattiv se jkun miftuħ ukoll għall-pubbliku mill-10am ‘il quddiem, fejn se tittella’ esibizzjoni bl-isem ta’ Not Just the City. Din il-wirja ħarġet minn programm internazzjonali kollaborattiv ta’ artisti f’residenza kkordinat minn Valletta 2018 u Fondazzjoni Kreattività.

It-toroq tal-Belt se jaraw installazzjoni interattiva li se tieħu l-ħajja grazzi għal diversi artisti li se jkunu qed ipittru fuqha. Bl-isem ta’ Memory Wall, din l-installazzjoni se tkun mifruxa f’diversi siti madwar il-Belt Valletta mill-10am ‘il quddiem. Din l-installazzjoni se sservi ta’ tifkira ta’ uħud mill-proġetti u attivitajiet li kienu parti mill Programm Kulturali ta’ Valletta 2018.

Il-pubbliku se jkollu wkoll l-opportunità li jżur tnejn mill-proġetti infrastrutturali ewlenin ta’ Valletta 2018: il-Mużew Nazzjonali tal-Arti, MUŻA, u l-bini tal-Valletta Design Cluster fejn ix-xogħol għadu għaddej. MUŻA, il-proġett ewlieni ta’ Valletta 2018 li jinsab fil-Berġa tal-Italja, se jkun miftuħ għall-pubbliku bla ħlas mill-10am ‘il quddiem. Il-pubbliku se jkollu wkoll l-opportunità li jara x-xogħlijiet li għaddejjin fil-Biċċerija l-Qadima li ser terġa’ tiftaħ bħala l-Valletta Design Cluster. Se jsiru tours bil-gwida kull nofs siegħa bejn il-11am u t-3pm. Gruppi żgħar ta’ 10 persuni se jitħallew jidħlu fil-bini waqt kull tour, għalhekk huwa importanti li wieħed jirriżerva post. Biex tagħmel dan, jekk jogħġbok ibgħat email fuq [email protected]ncluster.org u indika tliet ħinijiet preferiti.

Ingħaqad mal-mistednin, viżitaturi, artisti, kuraturi, residenti, voluntiera Tal-Kultura u t-tim ta’ Valletta 2018 f’avveniment brijuż li jiċċelebra d-diversità kreattiva li teżisti fuq il-Gżejjer tagħna, fl-Ewropa u lil hinn!

Għal aktar informazzjoni u biex iżżomm ruħek aġġornat dwar L-Aħħar Festa: L-Għeluq Uffiċjali ta’ Valletta 2018, segwi l-paġna ta’ Valletta 2018 fuq Facebook.