Il-Fondazzjoni Valletta 2018 ħatret lil Airan Berg bħala Konsulent Artistiku Internazzjonali. Huwa se jagħti l-konsulenza tiegħu lill-Fondazzjoni Valletta 2018 dwar l-aspett artistiku ġenerali fir-rigward tad-dimensjoni internazzjonali tal-programm tal-2018 skont in-narrattiva tiegħu. Huwa se jagħti l-pariri liċ-Ċermen tal-Fondazzjoni, jappoġġja u jaħdem mad-Direttur Eżekuttiv, mal-Koordinatriċi tal-Ipprogrammar u mat-tim sabiex jiġi kkonsolidat il-livell ta’ kwalità, tiġi msaħħa d-dimensjoni Ewropea u jikkontribwixxi għall-ko-żvilupp ta’ proġetti artistiċi.
Airan Berg twieled Tel-Aviv fl-1961 u huwa ta’ nazzjonalità Awstrijaka. Huwa jgħix Vjenna, Mannheim u Istanbul. Mumenti importanti fil-karriera tiegħu jinkludu t-twaqqif u l-maniġment ta’ Theater ohne Grenzen u l-Festival Internazzjonali tal-Pupazzi Die Macht des Staunens, bejn l-1993-2001, id-direzzjoni artistika ta’ Schauspielhaus ġo Vjenna bejn l-2001-2007, id-direzzjoni artistika tal-arti performattiva ġewwa Linz fl-2009: Kapitali Ewropea tal-Kultura, u mill-2010, l-iżvilupp ta’ proġetti parteċipatorji kbar f’Istanbul, Singapore, f’Mannheim, f’Brussell, f’Lecce u f’Maastricht.