The Other Europeans, kunċert organizzat minn Valletta 2018 li jinkudi 14-il mużiċist Yiddish klezmer u Roma lautari, se jsir nhar is-Sibt 3 ta’ Frar fl-Awditorju ta’ Sant’Agata, ir-Rabat fis-7.30pm.
Bil-preżentazzjoni ta’ solisti distinti minn seba’ pajjiżi, The Other Europeans – li ngħata l-premju Best Practices in Favour of the Roma Community mill-Kummissjoni Ewropea – ifittex li jibni rapporti kulturali ġodda, prinċipalment bejn żewġ popli li spiss jitqiesu Ewropej b’mod mariġnali biss, iżda li madankollu kellhom rwol ewlieni fil-ħolqien u fix-xandir tat-tradizzjonijiet mużikali Ewropej. The Other Europeans se tinkludi wkoll lil The Hot Club of Valletta, immexxija minn George Curmi l-Puse.
Imfassla u ggwidata minn Alan Bern u ffinanzjata b’għotja mill-Unjoni Ewropea, din il-prestazzjoni tippreżenta supergrupp li joħloq mużika qawwija li tmiss l-emozzjonijiet mill-qiegħ. Il-ħoss tagħhom huwa ħoss kollettiv li jirreżona koperazzjoni antika sekli bejn żewġ gruppi li kienu jgħixu fl-istess spazju tal-Moldova ta’ żmienna qabel ma nfirdu kaġun tal-gwerra, tal-olokawstu u tal-immigrazzjoni.
Biljetti ta’ €5 jistgħu jinxtraw minn tickets.valletta2018.org/