Il-Ħamis, 2 ta’ Ġunju 2016, l-MCAST u l-Fondazzjoni Valletta 2018 ħabbru kollaborazzjoni importanti ma’ Leeuwarden, il-belt li flimkien mal-Belt Valletta se tkun il-Kapitali Ewropea tal-Kultura, u enfasizzaw il-proġetti proposti li se jsiru ma’ żewġ kulleġġi fir-reġjun, jiġifieri, il-Friesland College u Roc Friese Poort.
Iċ-Ċermen tal-Fondazzjoni Valletta 2018, Jason Micallef, qal “It-tama tiegħi hi li llum żrajna ż-żerriegħa sabiex nibnu fabbrika tal-ħolm kif imiss. Din il-kollaborazzjoni hija pass ieħor fid-direzzjoni t-tajba; investiment fl-innovazzjoni, fit-tkabbir u fl-impjiegi ta’ kwalità għolja. Din hija affermazzjoni mill-ġdid tal-ħtieġa li noħolqu wirt dejjiemi li jkompli anke lil hinn mill-2018”.
L-MCAST, membru tal-bord ta’ gvernaturi ta’ Valletta 2018, ħadmet fuq għadd ta’ proġetti mal-Fondazzjoni permezz tal-Istitut għall-Arti Kreattiva fil-Mosta li jinkludu Projezzjonijiet tridimensjonali fuq il-faċċata tal-Palazz fil-Belt Valletta fi żmien il-Milied u l-kisi tal-Valletta Cruise Port Tunnel.
Il-kollaborazzjoni bejn Valletta 2018 u l-MCAST issaħħet dawn l-aħħar xhur u ssarrfet f’kollaborazzjoni mal-Kapitali Ewropea tal-Kultura Olandiża Leeuwarden 2018 u, speċifikament, fil-kollaborazzjoni ma’ żewġ kulleġġi Olandiżi. Matul dawn l-aħħar xhur, il-persunal tal-letturi u l-amministraturi żaru Leeuwarden biex jiddiskutu l-kollaborazzjoni li permezz tagħha l-MCAST se jagħti bidu għal diversi proġetti. Dawn jinkludu web portal, ktieb għat-tfal, proġett fuq opra, info pods, it-twaqqif ta’ kumpaniji kummerċjali u tifkira sostenibbli.
Dawn l-aħħar ġimgħat, diversi letturi u studenti minn Friesland College ġew Malta u, bħalissa, ħames studenti Olandiżi qegħdin jikkollaboraw ma’ studenti tal-MCAST f’Malta fuq web portal li jservi ta’ pont bejn in-nies taż-żewġ pajjiżi. Il-portal connect2018.org se jiġi mniedi fl-aħħar ta’ Lulju.
Studenti tal-MCAST se jaħdmu ma’ studenti minn żewġ kulleġġi, Friesland College u Roc Friese POORT, fuq il-proġetti li ġejjin:
Il-Web Portal – Se jinħoloq Web Portal li jgħaqqad lill-istudenti, il-letturi u l-persunal tal-MCAST u ta’ Friesland College. Dan il-portal se jservi ta’ rabta mal-industrija u u l-partijiet interessati, fiż-żewġ pajjiżi. Permezz ta’ dan il-portal, se jiġu esibiti u ddokumentati proġetti mill-oqsma kollha ta’ studju marbuta ma’ Valletta 2018 u Leeuwarden 2018. B’dan il-mod, jintlaħaq metodu ta’ netwerking tajjeb ferm, tingħata spinta kbira lill-edukazzjoni kif ukoll jingħata kontribut siewi lill-arti u l-kultura fit-triq lejn l-2018.
Il-Ktieb għat-Tfal – Tliet kittieba minn kull pajjiż (Malta u l-Olanda) se jiġu magħżula u mitluba jiktbu tliet stejjer qosra għal tfal ta’ bejn ħames snin u ħdax-il sena. Il-kittieba għandhom jużaw iż-żewġt ibliet Kapitali Ewropej tal-Kultura bħala sfond għall-istejjer tagħhom. L-istejjer se jinkitbu bil-Malti u bl-Olandiż. Studenti mill-MCAST u D’Drive se jagħmlu l-illustrazzjonijiet għall-istejjer. Il-kotba finali se jiġu stampati.
Tifkira Sostenibbli – Studenti fiż-żewġ pajjiżi se jfasslu tifkira li tirrappreżenta u torbot flimkien liż-żewġt ibliet u li tkun magħmula minn materjal sostenibbli. L-idea hi li jintuża skart lokali komuni għall-produzzjoni tal-prodotti. Eżempji ta’ materjal li jista’ jintuża huma l-plastik, l-iskart tal-bini, il-karta u l-kartun. Il-prodott iddisinjat se jissimbolizza r-rabta bejn iż-żewġt ibliet.
Stands/pods ta’ informazzjoni se jiġu installati fiż-żewġt ibliet fl-2018. L-istudenti se jikkollaboraw u jaqsmu l-informazzjoni dwar iż-żewġt ibliet sabiex jiġu ddisinjati l-pods ta’ informazzjoni li se jippromwovu u jagħtu informazzjoni lill-pubbliku dwar ir-rikkezza kulturali taż-żewġ kapitali Ewropej. Dawn l-istands se jintużaw biex jinfurmaw lill-pubbliku dwar ir-rabtiet u l-kollaborazzjonijiet li nħolqu, l-avvenimenti li għad iridu jseħħu u proġetti/pjanijiet futuri possibbli.
It-twaqqif ta’ Entitajiet Kummerċjali – studenti tal-MCAST u Roc Friese Poort se jwaqqfu entitajiet kummerċjali reali li jikkummerċjalizzaw il-prodotti u s-servizzi. In-natura tal-prodotti u tas-servizzi li se jinħolqu u jiġu offruti se jiġu deċiżi mill-istudenti nfushom. Il-programm se jara li l-istudenti jiffurmaw timijiet ta’ negozju, ifasslu l-prodott/i u/jew is-servizz/i, jiktbu pjan ta’ negozju, ifittxu l-investituri, jixtru l-inputs u joħolqu l-outputs, jinnegozjaw l-organizzazzjonijiet tagħhom, ibigħu u fl-aħħar nett igawdu d-dħul.
Il-Mobbiltà tal-istudenti – Iż-żewġ istituzzjonijiet għandhom relazzjonijiet b’saħħithom mal-industrija lokali kif ukoll ma’ korpi ewlenin fi ħdan l-istituzzjoni bil-kapaċità għall-organizzazzjoni u l-ġestjoni ta’ studenti li jixtiequ jfittxu xogħol barra mill-pajjiż. L-MCAST se toffri postijiet ta’ xogħol fl-ilma, laboratorji tax-xjenza, fis-saħħa u l-agrikultura, filwaqt li Friesland College se joffri xogħol fl-ikel u x-xorb, fl-ilma, fl-ambejnt u l-laboratorji tax-xjenza.
Live Cases u Proġetti – Wieħed mill-għanijiet ewlenin tal-programm tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura huwa li ‘Jenfasizza r-rikkezza u d-diversità tal-kulturi fl-Ewropa’. Għaldaqstant, Friesland College u l-MCAST qed jipproponu għadd ta’ life cases/proġetti konġunti. Studenti li qed iwettqu programmi fl-MBO Life Sciences u fl-Istitut tax-Xjenzi Applikati tal-MCAST se jingħataw l-opportunità li jikkollaboraw flimkien fuq sfida tal-VET ta’ relevanza industrijali li tagħmel parti mill-programm ta’ assessjar tagħhom li jippermettilhom jiksbu ċ-ċertifikazzjoni.