L-esibizzjoni ‘Stejjer mid-Dijaspora Maltija’, li tinkludi taħlita ta’ prattiċi tal-arti viżwali li jeżaminaw l-istejjer ta’ migrazzjoni tal-passat u tal-preżent, se tittella’ fi Blitz fil-Belt Valletta bejn it-30 ta’ Ġunju u l-14 ta’ Lulju 2018.
Il-kunċett ta’ ‘ritorn’ se jiġi ndirizzat permezz ta’ serje ta’ xogħlijiet tal-arti ta’ Charlie Cauchi li jvarjaw minn fotografija u awdjo għal strutturi mibnija u immaġni li jiċċaqalqu. Kull kamra ta’ Blitz se sservi bħala gallerija individwali biex tgħid storja unika ta’ migrazzjoni. Din l-esibizzjoni hi parti minn Latitude 36, proġett ta’ Valletta 2018 li jittratta l-kunċett ta’ identità.
Latitude 36 stieden numru ta’ artisti biex joħolqu x-xogħol oriġinali tagħhom f’Malta, li jirrifletti l-għanijiet tal-proġett billi jesplora l-istejjer u l-esperjenzi tal-Maltin. Apparti l-esibizzjoni, il-proġett qed jagħti lill-udjenzi Maltin l-opportunità unika li jiskopru l-istorja nazzjonali tagħhom billi jipparteċipaw f’rappreżentazzjonijiet innovattivi minn artisti ta’ fama internazzjonali li esebixxew f’festivals madwar id-dinja u f’postijiet bħal The Edinburgh Fringe Festival u La Mama fi New York. Divertenti, kreattivi u xi kultant umoristiċi, dawn ir-rappreżentazzjonijiet għandhom l-identità nazzjonali Maltija fiċ-ċentru tagħhom.
Walking:Holding, rappreżentazzjoni parteċipattiva mill-artista internazzjonali Rosana Cade, toffri esplorazzjoni ġentili tal-identità, il-kuntatt u l-intimità fl-ispazju pubbliku urban. Din ir-rappreżentazzjoni sottili u esperjenzjali tinvolvi l-membri tal-udjenza li wieħed wieħed jimxu madwar il-belt għal ftit minuti id f’id ma’ diversi artisti. L-esperjenza ta’ identitajiet differenti f’ambjent urban kif ukoll mistoqsijiet dwar id-diversità soċjali u l-kodiċi kulturali f’kull belt se jiġu esplorati waqt dan l-esperiment fejn barranin jaqsmu mument intimu fil-pubbliku. Walking:Holding se ssir il-Ġimgħa 6 ta’ Lulju bejn is-6.30pm u d-9.30pm u s-Sibt 7 ta’ Lulju bejn it-3pm u d-9pm fi Blitz.
Nick Cassenbaum jaqsam stejjer dwar it-trobbija tiegħu f’familja ta’ Lhud li tgħix f’Essex fir-rappreżentazzjoni Bubble Schmesis. L-artist jiddeskrivi l-esperjenzi tiegħu bħala barrani u d-diversi forom ta’ anti-Semitiżmu li ltaqa’ magħhom matul is-snin. Bubble Schmesis se tittella’ it-Tnejn 9 ta’ Lulju u t-Tlieta 10 ta’ Lulju bejn is-7pm u d-9pm fi Blitz.
Dan il-proġett jikkonsisti fi tliet taqsimiet: it-tluq, iż-żjara, u r-ritorn, u jittratta stejjer ta’ migrazzjoni u immigrazzjoni billi jivvjaġġa madwar id-dinja u jfittex stejjer ta’ xi jfisser li wieħed jitlaq minn art twelidu. Imsejjaħ hekk għall-pożizzjoni ġeografika tal-gżejjer Maltin, Latitude 36 jikxef narrattivi kemm personali kif ukoll kollettivi ta’ persuni li telqu mill-patrija tagħhom, inklużi dawk f’komunitajiet Maltin fir-Renju Unit, fl-Amerika u fil-Kanada. L-għan ta’ dan il-proġett hu li jippreżenta perspettivi ġodda dwar kwistjonijiet ta’ migrazzjoni, memorja u identità b’mod kreattiv, billi jippreżenta l-istejjer ta’ dawn l-individwi fuq diversi pjattaformi artistiċi.
L-esibizzjoni ewlenija se tittella fi Blitz il-Belt Valletta bejn it-30 ta Ġunju u l-14 ta’ Lulju. Din tiftaħ mit-Tlieta sal-Ġimgħa bejn is-1pm u s-6pm u kull nhar ta’ Sibt bejn l-10am u s-1pm.
Latitude 36 hu parti mill-Programm Kulturali ta’ Valletta 2018. Għal lista sħiħa ta’ rappreżentazzjonijiet u aktar tagħrif żur https://valletta2018.org/news/latitude-36-at-blitz-stories-from-the-maltese-diaspora/