Wieħed mill-akbar stazzjonijiet tal-aħbarijiet Ewropej, Euronews, se jkun qed juri dokumentarju ta’ 25 minuta dwar kif il-Belt Valletta rriġenerat ruħha sabiex saret Kapitali Ewropea tal-Kultura.
Dan id-dokumentarju se jkun qed jintwera bħala parti mill-programm il-ġdid ta’ Euronews bl-isem ta’ Go! Europe. Il-programm se jintwera għall-ewwel darba nhar it-Tnejn 19 ta’ Novembru fl-4.30pm (CET).
Id-dokumentarju jinkludi filmat mill-isbaħ tal-Belt Valletta, kif ukoll filmat dwar għadd ta’ galleriji tal-arti, boutique hotels, ristoranti u postijiet ta’ divertiment oħrajn li ttrasformaw il-Belt matul dawn l-aħħar ftit snin, grazzi għall-impenn ta’ Valletta 2018 lejn ir-riġenerazzjoni kulturali, ekonomika u soċjali tal-belt. Dawn l-inizjattivi huma parti mil-legat tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura; taw ħajja ġdida lill-Belt, u għamluha destinazzjoni kulturali ewlenija kemm għall-Maltin kif ukoll għat-turisti.
Id-dokumentarju se jixxandar fuq Euronews 10 darbiet bejn id-19 u t-28 ta’ Novembru, u se juri x’taf toffri l-Belt Valletta lil miljuni ta’ telespettaturi Ewropej.