Notte Bianca tinsab fuq l-għatba. Qabel il-lejla l-kbira tal-1 ta’ Ottubru, it-tim ta’ Notte Bianca organizza konferenza stampa nhar l-Erbgħa 28 ta’ Settembru fil-Kappella ta’ Sant’Iermu. Il-konferenza ndirizzat l-aħħar fażi ta’ ppjanar, loġistika u l-aspetti ta’ media soċjali fl-avveniment.

“Waqt li Notte Bianca tiffoka fuq l-attivitajiet artistiċi u kulturali, is-suċċess tal-avveniment fuq din l-iskala jiddependi wkoll mill-loġistika,” spjega d-Direttur Artistiku Sean Buhagiar. “It-tim ta’ Notte Bianca, b’għajnuna imprezzabbli minn bosta entitajiet lokali, għamel mill-aħjar li seta’ biex jassigura li dawk li jżuru l-Belt dan is-Sibt ikunu jistgħu jimpenjaw ruħhom ma’ kull aspett tal-lejla b’mod pożittiv. Dan jinkludi li nagħmlu t-trasport iktar effiċjenti u eħfef biex jintuża. Hu importanti wkoll li l-viżitaturi jkollhom aċċess għat-tagħrif kollu meħtieġ biex ikunu jistgħu jippjanaw il-lejl bla problemi.  Għalhekk erġajna nedejna app għal Notte Bianca u tejjibna l-media soċjali, li huma l-għodda perfetta biex tippjana l-esperjenza ta’ Notte Bianca.”

 

TRASPORT

Waqt in-Notte Bianca l-Malta Public Transport ser torganizza servizz tal-karozza tal-linja estiż. Ser ikun hemm ukoll servizz tal-linja madwar il-Belt bejn il-5pm u nofsillejl minflok kull nofs siegħa.

Kull min juża l-card Tallinja jħallas in-noll ta’ billejl ta’ €2.50, waqt li dawk li m’għandhomx card, in-noll jiswiehom €3 u jħallsu lix-xufier dak il-ħin. Għal iktar tagħrif, il-konsumaturi jistgħu jċemplu fuq 21222000.

Id-dgħajjes ser joperaw shuttle service minn Tas-Sliema għal Marsamxett, il-Belt u lura; kif ukoll mit-Tlitt Ibliet għal Lascaris, il-Belt u lura. Is-servizz tad-dgħajjes ser jaħdem sas-2am tal-Ħadd 2 ta’ Ottubru. L-Għawdxin jistgħu jserrħu rashom li l-Gozo Channel ser taħdem bl-iskeda aktar frekwenti tas-sajf.

Minbarra dawn, is-servizz tat-taxis ser ikun aċċessibbli mill-venda tal-Furjana. Il-Park & Ride tal-Blata l-Bajda u l-parkeġġi tal-Furjana u tal-Belt kollha ser ikunu qegħdin jaħdmu.

 

APP U MEDIA SOĊJALI

Dawk li jixtiequ jgawdu dak kollu li toffri Notte Bianca jistgħu jniżżlu l-app minn www.nottebianca.org.mt jew direttament mill-Play Store, Google Play u iTunes. L-app tinkludi tagħrif dwar l-attivitajiet kollha li ser isiru fl-1 ta’ Ottubru, fosthom sinopsi dwar kull attività, ħin u post, kif ukoll mappa interattiva li tindika fejn ser isiru eżattament l-attivitajiet. L-app kompatibbli ma’ tablets, iPads u telefowns ċellulari Android u iPhones.

Il-viżitaturi jistgħu jaqsmu l-esperjenza tagħhom ta’ Notte Bianca fuq il-mezzi soċjali billi jpoġġu r-ritratti u r-reazzjonijiet tagħhom fuq il-paġna ta’ Facebook www.facebook.com/nbvalletta jew fuq Twitter bil-hashtag #NotteBianca.

Għal aktar tagħrif żur www.nottebianca.org.mt.

Notte Bianca hi mtellgħa mill-Kunsill Malti għall-Arti li taqa’ taħt il-Ministeru tal-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali bl-appoġġ tal-Fundazzjoni Valletta 2018, il-Kunsilli Lokali tal-Belt Valletta, TVM u MSV Life.