Il-Projezzjoni Tridimensjonali tal-Immappjar Arkitettoniku għal sena oħra reġgħet dawlet l-faċċata tal-Palazz tal-Granmastru fi Pjazza San Ġorġ għall-festi. Organizzati mill-Fondazzjoni Valletta 2018 b’kollaborazzjoni mal-Istitut għall-Arti Kreattiva tal-MCAST, dawn il-projezzjonijiet huma maħduma mill-istudenti tal-MCAST tal-BA Graphic Design and Interactive Media.
Waqt it-tnedija ta’ dawn il-projezzjonijiet l-Erbgħa filgħaxija, l-Eċċelenza Tagħha l-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca qalet, “Waqt li niċċelebraw il-Milied, avveniment li seħħ ‘l fuq minn 2000 sena ilu, dawn il-projezzjonijiet illum qed ifakkru l-450 anniversarju minn meta twaqqfet il-Belt sabiħa tagħna. Dawn iż-żgħażagħ ħalqu biċċa xogħol ta’ arti li turi dawn iż-żewġ okkażżjonijiet bl-użu ta’ teknoloġija moderna.”
Iċ-Ċermen tal-Valletta 2018 Jason Micallef tenna li, “Għal sena oħra l-Fondazzjoni Valletta 2018 qed tkun katalista fl-innovazzjoni tal-attivitajiet kulturali fil-Belt Valletta fix-xahar ta’ Diċembru. Dan il-proġett b’kollaborazzjoni mal-MCAST huwa prova oħra tal-progress li qed naraw fit-twettiq tal-programm kulturali ta’ Valletta 2018 bħala parti integrali mir-riġenerazzjoni ekonomika, soċjali u kulturali fil-Belt Valletta.”
Dawn il-projezzjonijiet ifakkru l-istorja tal-Belt Valletta bħala parti mill-attivitajiet tal-450 anniversarju minn meta twaqqfet il-Belt Valletta. Fil-projezzjonijiet jidhru karattri li kellhom x’jaqsmu mal-istorja tal-Belt Valletta bħal La Valette, kif ukoll ġew animati mumenti storiċi importanti b’mod kreattiv u viżiv.
Dawn il-projezzjonijiet se jitrasformaw il-faċċata tal-Palazz tal-Granmastru kull nofs siegħa bejn is-6pm u l-11pm, mit-23 sas-27 ta’ Diċembru. Se jkun hemm edizzjoni speċjali tal-Projezzjoni Tridimensjonali tal-Immappjar Arkitettoniku b’countdown animat biex jimmarka l-aħħar mumenti tas-sena 2015.