Il-Fondazzjoni Valletta 2018 ħarġet Sejħa għas-Sottomissjonijiet għall-ħames konferenza minn serje ta’ konferenzi annwali bit-titlu Sharing the Legacy.
Persuni interessati huma mitluba li jissottomettu sommarju tal-proposta tagħhom sad-29 ta’ Marzu. Proposti li jindirizzaw diversi forom ta’ preżentazzjonijiet, inkluż interventi performattivi, artistiċi jew akkademiċi, huma inkoraġġuti.
Il-konferenza se tittella’ mill-24 sas-26 ta’ Ottubru.
Sharing the Legacy tinkoraġġixxi riflessjoni wiesa’ dwar il-kwistjonijiet ċentrali li jiddefinixxu l-ħajja urbana billi tmexxi d-diskussjoni permezz tal-mistoqsija bażika “X’inhu dak li jagħmel belt aħjar?”. Din ir-riflessjoni timmira li tifhem kif il-bliet jistgħu jiġu ffurmati biex jissodisfaw aħjar il-ħtiġijiet u x-xewqat tal-individwi u l-komunitajiet li jospitaw, kemm jekk b’mod permanenti kif ukoll temporanju.
Dan il-kunċett jiżviluppa d-diskussjonijiet li saru f’konferenzi ta’ Valletta 2018 preċedenti, partikolarment dwar it-temi tal-benessri u l-kuntentizza tar-residenti, il-parteċipazzjoni fil-ħajja kulturali u kreattiva, id-djalogu u l-inklużjoni fost komunitajiet differenti, u s-sostenibbiltà soċjali u ambjentali, fost l-oħrajn.
Il-konferenza se taddotta l-prinċipju ta’ spiss ikkwotat ta’ Jane Jacobs li “Il-bliet għandhom il-kapaċità li jipprovdu xi ħaġa għal kulħadd, biss minħabba, u biss meta, jinħolqu minn kulħadd” (1961) biex tistaqsi jekk dan huwiex approċċ li qed jiġi addottat fl-iżvilupp urban li qed isir fi bliet differenti, inklużi dawk bit-titlu ta’ Kapitali Ewropea tal-Kultura.
Matul dawn id-diskussjonijiet, il-konferenza timmira li tkun ripetizzjoni tal-proċess demokratiku permezz ta’ prattika kulturali, fejn ir-relazzjoni bejn l-individwu, il-kollettiv u l-komunitajiet tagħhom jintlaħaq permezz ta’ legat tanġibbli.
Dan it-tħassib se jiġi indirizzat permezz tal-punti tematiċi li ġejjin: (i) Culture, Politics & Capital in Urban Transformation (Kultura, Politika u Kapital fit-Trasformazzjoni Urbana); (ii) Renewal of the City (Tiġdid tal-Belt); (iii) The Unintentional Legacy (Il-Legat Mhux Mistenni); u (iv) Understanding the City (Il-Fehim tal-Belt).
Aktar informazzjoni dwar kull waħda minn dawn it-temi kif ukoll dwar l-għanijiet tal-konferenza hija disponibbli fis-sejħa għas-sottomissjonijiet sħiħa, disponibbli fuq conference.valletta2018.org jew permezz ta’ email lil [email protected].