270kg ta’ ħġieġ, 49kg ta’ plastik, 134kg ta’ karta u 191kg ta’ skart ieħor inġabru wara l-Valletta Pageant of the Seas, bħala parti minn sforzi għas-sostenibbiltà mill-Fondazzjoni Valletta 2018.

Bl-appoġġ ta’ Green Skip Services, aktar minn 600kg ta’ materjal inġabru minn dan l-avveniment biss. Din hija biss waħda mill-prattiki tajba li seħħew matul l-avvenimenti tal-Belt Valletta 2018.

Il-Fondazzjoni taħdem id f’id ma’ Global Green Events, il-Konsulent tas-Sostenibbiltà tagħha, il-produtturi tal-avvenimenti u partijiet interessati importanti oħra, biex tiżviluppa numru ta’ inizjattivi sostenibbli għal avvenimenti ewlenin.

Bramel tal-iskart ipprovduti minn Wasteserv ġew installati waqt numru ta’ avvenimenti ewlenin ta’ Valletta 2018 inkluż il-ftuħ uffiċjali, il-Valletta Green Festival u Cantina. Fil-Kunċert tal-EU-Japan Youth Choir, l-użu ta’ fliexken tal-ilma tal-plastik li jintremew kien skoraġġut billi ġew ipprovduti distributuri tal-ilma fuq il-post kif ukoll fliexken li jistgħu jerġgħu jintużaw għall-ħaddiema u l-parteċipanti. Aquani sponsorizzat 256 litru ta’ ilma f’distributuri fuq iż-żewġ avvenimenti. Dan jammonta għal madwar 500 flixkun żgħir tal-ilma tal-plastik għal użu wieħed, għalhekk il-ġenerazzjoni ta’ skart tal-plastik addizzjonali ġiet evitata.

Inizjattivi edukattivi ġew ukoll inkorporati waqt l-avvenimenti. Matul il-Valletta Green Festival, it-tim ta’ Solar Cinema wettaq workshops interattivi ma’ 120 tifel u tifla tal-iskola u organizza wirja ta’ Solar Cinema li permezz tagħha l-udjenza kellha l-opportunità li titgħallem dwar kwistjonijiet ambjentali u taħseb dwar soluzzjonijiet kreattivi għalihom. L-NGOs lokali Sharklab Malta, Żibel, The Gaia Foundation u Birdlife ukoll iffukaw fuq kwistjonijiet ambjentali lokali u nkoraġġixxew lill-pubbliku biex jaħseb dwar ideat kif wieħed jista’ jieħu ħsieb l-ambjent aħjar. Bħala parti mill-promozzjoni ta’ trasport sostenibbli ta’ Valletta 2018, tnieda kodiċi promozzjonali ta’ Nextbike sbiex l-utenti jkunu jistgħu jużaw ir-roti matul l-erbat ijiem tal-festival.

Permezz tal-għajnuna ta’ diversi entitajiet inklużi Aquani, Wasteserv u GSD Marketing Ltd, il-Fondazzjoni Valletta 2018 kienet kapaċi timplimenta inizjattivi b’saħħithom bħall-konsum responsabbli tal-ilma, il-ġbir effettiv ta’ riżorsi u r-riċiklaġġ.

Il-Baħar Mediterran huwa rikonoxxut bħala wieħed mill-aktar korpi ta’ ilma mniġġsa bil-micro plastics. Ladarba Malta tinsab fil-qalba tal-Mediterran, dawn l-inizjattivi għandhom rwol ewlieni fit-tnaqqis tal-volum tal-plastik li jintuża darba waqt avvenimenti kbar.

Il-proċess ta’ żvilupp ta’ lista ta’ fornituri responsabbli għall-ambjent u l-prodotti li jistgħu jintużaw għadu għaddej. Jekk għandek xi ideat li lest taqsam ma’ Valletta 2018, tista’ tibgħat email fuq [email protected]

 

Valletta 2018 Premium Partners: General Soft Drinks Co. Ltd., Coca Cola, Bavaria and Bank of Valletta