Il-Fondazzjoni Valletta 2018 fetħet it-tieni edizzjoni tal-Valletta Green Festival, fi Pjazza San Ġorġ, il-Belt Valletta.
Fl-indirizz tiegħu waqt konferenza stampa, is-Sur Micallef qal: “Valletta 2018 qed taħdem fuq proġetti sostenibbli u fit-tul fosthom il-Valletta Green Festival, bħala parti mill-Programm Kulturali bi preparazzjoni għall-2018. Il-Fondazzjoni qed tiffoka fuq ir-riġenerazzjoni kulturali, ekonomika u soċjali filwaqt li tikontribwixxi u tinkoraġġixxi titjib ambjentali u ekoloġiku,”
Iċ-ċerimonja tal-ftuħ kienet tinkludi l-inawgurazzjoni ta’ infiorata kkulurita mgħamula minn 80,000 xitla staġjonlai tal-fjuri, impoġġija ħdejn xulxin biex jifformaw spiral. Fil-viżjoni tiegħu, l-artist Daniel Mercieca ġie spirat mit-Tempji Megalitiċi – simbolu tal-wirt kulturali Malti.
Il-Ministru għall-iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima, Leo Brincat, iċ-Ċermen tal-Environmental Landscape Consortium Peter Calamatta, is-Sindku tal-Belt Valletta Alexiei Dingli, kif ukoll studenti mill-Kulleġġ San Ġorġ Preca, Skola Primarja tal-Belt, ippartċipaw f’din l-okkażjoni.
Il-Valletta Green Festival, li ser jittella għat-tieni sena konsekuttiva mid-29 sal-31 ta’ Mejju, għandu l-għan li jqajjem għarfien u jikkontribwixxi għall-aspetti ekoloġiċi tal-Belt Valletta. Apparti l-infiorata, sessjonijiet ta’ Recycled Percussion ser ikunu qed jittellgħu waqt il-Valletta Green Festival, mill-10am sas-1pm, is-Sibt 30th May u ser ikunu miftuħa għall-pubbliku. Simili għal dawn, il-LifeMed Green Roof Project u WasteServ Malta ser itellgħu sessjonijiet ta’ informazzjoni f’ħinijiet varji matul il-festival.
Pjattaformi elevati huma installati fil-pjazza biex wieħed ikun jista jieħu ritratti mal-infiroata. Waħda minn dawn hija atrezzata b’rampa biex tipprovdi aċċess għal persuni b’diżabbilità.
Il-Cultural Hotspot Mobile Unit, li ġiet imndeija dil-ġimgħa mil-Fondazzjoni Valletta 2018, tinstab ukoll fi Pjazza San Ġorġ għall-kumplament tal-Valletta Green Festival.
Il-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima, Leo Brincat sostna: “Inrodd ħajr partikolari ta’ din l-inizjattiva għaliex mhux biss tiġbor fiha firxa wiesa’ ferm akbar ta’ attivitajiet mis-sena li għaddiet, iżda għaliex, apparti milli qed tagħfas fuq ir-riġenerazzjoni kulturali, ekonomika u soċjali tal-Belt Valletta, il-Fondazzjoni responsabbli qed tagħti importanza xierqa lit-titjib ambjentali u ekoloġiku”.
Iċ-Ċermen tal- Environmental Landscaping Consortium, Peter Calamatta qal, “Din is-sena kellna sfida partikolari biex inkabbru ix-xtieli u jkollna fjuri fl-aqwa tagħhom għal waqt il-festival. Kif jgħaddi, dawn ix-xtieli jitħawwlu f’ġonna pubbliċi madwar Malta u Għawdex”.
Il-Kunsill Lokali tal-Belt Valleta qed jaħdem f’sinerġija mal-Fondazzjoni Valletta 2018. Is-Sindku Alexiei Dingli tenna li din l-infiorata hija fil-“pulmun” tal-Belt u ħeġġeġ lir-residenti biex jaddottaw inizjattivi simili fid-djar tagħhom. Il-Kunsill Lokali ser jorganizza attività ta’ tindif f’żoni varji tal-Belt Valletta, s-Sibt 30 ta’ Mejju.
Il-Valletta Green Festival qed jittella b’kollaborazzjoni mal-Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima u l-Environmental Landscapes Consortium.