Matul il-konferenza ‘Cities as Community Spaces’, il-Fondazzjoni Valletta 2018 se tesplora s-setgħa li għandhom l-ispazji komunitarji li jibdlu l-ibliet u l-ħajja ta’ kuljum tar-residenti tagħhom. Il-konferenza se ssir nhar it-23 u l-25 ta’ Novembru 2016.

Din il-konferenza se tlaqqa’ l-esperti fil-qasam tal-urbaniżmu, l-arti, il-midja diġitali, ix-xogħol komunitarju u t-teorija kritika sabiex jiddibattu r-rwol li dejjem jevolvi tal-ispazju pubbliku u l-modi li bihom gruppi differenti mill-komunità jużaw l-ambjent urban tagħhom għall-espressjoni kreattiva, politika u komunitarja tagħhom.

Fost il-kelliema ewlenin tal-konferenza se jkun hemm Shawn Micallef, vuċi kruċjali fl-urbaniżmu Kanadiż. Bħala awtur, editur, ġurnalist urban, flâneur urban u lettur taċ-ċittadinanza ċivika  u tad-disinn (fl-Università ta’ Toronto), Micallef ħoloq karriera madwar il-ħsieb dwar l-ibliet u l-kultura. Huwa l-kofundatur u l-editur ta’ Spacing, ir-rivista rebbieħa tal-premju Jane Jacobs dwar l-urbaniżmu Kanadiż. Kelliema ewlenin oħrajn se jitħabbru meta jasal il-waqt.

Fil-konferenza se jkun hemm ukoll sessjonijiet paralleli fejn riċerkaturi mid-dinja kollha jkunu jistgħu jesploraw il-fenomenu tal-interazzjoni urbana minn firxa wiesgħa ta’ perspettivi. Wara sejħa pubblika, intbagħtu iktar minn 80 proposta minn 24 pajjiż fid-dinja kollha. Dawn is-sessjonijiet paralleli se jiddiskutu temi varji, fosthom ir-riġenerazzjoni komunitarja, l-interazzjoni bejn l-ispazju fiżiku u virtwali, l-użu tal-ispazju pubbliku għall-protesta u l-kontestazzjoni u l-użu tal-ispazju għall-espressjoni kreattiva.

Din hija t-tielet konferenza annwali ta’ Valletta 2018 fuq ir-relazzjonijiet kulturali fl-Ewropa u fil-Mediterran, wara l-ewwel konferenza bl-isem “Dialogue in the Med: exploring identity through networks” Ii saret fl-2014 u t-tieni konferenza “Cultural Mapping: Debating Spaces and Places” li saret fl-2015.

Il-konferenza se ssir f’diversi spazji komunitarji fil-Belt Valletta, waqt li s-sessjonijiet ewlenin isiru ġewwa l-Każin tal-Banda King’s Own fil-Belt Valletta.

Għal aktar informazzjoni, inklużi d-dettalji dwar ir-reġistrazzjoni għall-konferenza, żur is-sit http://conference.valletta2018.org/. Ir-reġistrazzjoni tagħlaq nhar il-31 ta’ Ottubru 2016. Għal aktar dettalji, ċempel lill-Fondazzjoni  Valletta 2018 fuq 2124 2018 jew ibgħat email lil [email protected].