Il-Fondazzjoni Valletta 2018, f’kollaborazzjoni mal-Mercedes-Benz Malta Fashion Week, qed tagħti appoġġ lil designers tal-moda emerġenti li se jkunu qed jeżibixxu x-xogħol tagħhom fil-pubbliku ġewwa l-Belt Valletta waqt avveniment tal-moda li se jseħħ mill-14 sal-21 ta’ Mejju.
Dalgħodu, waqt l-indirizz tiegħu lill-midja ġewwa City Lounge fil-Belt Valletta, iċ-Ċermen tal-Fondazzjoni Valletta 2018 Jason Micallef qal, “Valletta 2018 hija kburija li għandha l-Mercedes-Benz Malta Fashion Week inkluża fil-Programm tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura fi triqitha lejn l-2018. Il-moda tagħti kontribut ewlieni fil-qasam tal-kultura viżiva tad-dinja u dan l-avveniment jipprovdi pjattaforma għat-talent lokali biex juri l-artistiċità tiegħu”.
Hu semma ukoll il-Valletta Design Cluster, proġett iffukat fuq disinn li se jiftaħ il-bibien tiegħu għal diversi artisti u designers fin-naħa t’isfel tal-Belt Valletta fl-2018.
Il-Malta Fashion Week ilha tikber għal dawn l-aħħar snin u laqqgħet flimkien aspetti ekonomiċi u artistiċi waqt illi poġġiet l-industrija tal-moda ta’ Malta fuq il-mappa internazzjonali. Dan jixhed kemm proġetti bħal dawn huma sostenibbli u se jkollhom wirt li jibqa’ sal-2018 u iktar.
Il-Produttur Eżekuttiv tal-Malta Fashion Week, Adrian J. Mizzi qal, “L-għan tal-Mercedes-Benz Fashion Malta u l-Chamilia Fashion Awards kien mill-bidu biex joħloq pjattaforma internazzjonali għat-talent artistiku Malti sabiex jilħaq udjenza globali. Dan hu possibli bl-appoġġ ta’ ħafna voluntiera, sponsors korporattivi u entitajiet governnattivi bħal Valletta 2018 u Heritage Malta. Li hemm bżonn issa hu ta’ iktar investiment biex tgħin l-industrija lokali tasal għal-livell aktar professjonali.”
Il-Belt Valletta se tilqa’ l-fashion show ‘New Designers’ nhar is-Sibt 14 ta’ Mejju ġewwa Triq ir-Repubblika fil-ħdax ta’ filgħodu, kif ukoll wirja fotografika b’xejn li se tiftaħ dakinhar ukoll fi Pjazza San Ġorġ fit-tmienja u nofs ta’ filgħaxija. L-attivitajiet l-oħrajn kollha se jsiru n-naħa l-oħra tal-port ġewwa l-Forti ta’ Sant’Anġlu, il-Birgu.
Fis-6 edizzjoni tagħha, il-Mercedes-Benz Fashion Week Malta 2016 se tiżgura ġimgħa mill-aqwa ta’ fashion shows ta’ kwalità u avvenimenti li għandhom jilħqu l-iprem livelli ta’ avvenimenti simili li jsiru fid-dinja kollha.