Illum timmarka l-aħħar ġurnata tal-workshops tal-Presidenza u19 CREATE YOUR WORLD iżda timmarka wkoll il-bidu ta’ kollaborazzjoni ġduda bejn Valletta 2018, Esplora u ARS Electronica li tagħti bidu għall-kompetizzjoni u19 Malta – CREATE YOUR WORLD – l-ewwel darba globalment minn barra l-Awstrija.
Il-proġett u19 kien kollaborazzjoni bejn il-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea 2017, iċ-ċentru Awstrijak għall-Arti Elettronika – ARS Electronica, u ċ-Ċentru tax-Xjenza Interattiva Esplora. Matul dan is-sett speċjali ta’ workshops b’xejn li kellhom x’jaqsmu mat-Teknoloġija u l-Arti, it-tfal u ż-żgħażagħ taħt id-19-il sena kellhom l-opportunità li jiltaqgħu ma’ artisti u esperti fl-oqsma tal-arti u t-teknoloġija u joħloqu xogħlijiet bl-użu tal-Ableton live, Arduinos, Little bits, applikazzjonijiet tal-animazzjoni u prattiċi tal-kodifikazzjoni. Il-proġett wasal fi tmiemu f’attività tal-għeluq fiċ-Ċentru tal-Attivitajiet Esplora, il-Kalkara, ippreżentata minn Gisele Calleja, mill-uffiċċju tar-Relazzjonijiet Pubbliċi fil-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija.
Matul l-attività, bosta proġetti lokali u barranin li jgħaqqdu t-teknoloġija u l-arti ġew enfasizzati, bħala eżempji għal xogħlijiet u kollaborazzjonijiet futuri. L-attività kienet organizzata b’mod konġunt mill-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea 2017, il-Malta International Arts Festival u Esplora. Il-Malta International Arts Festival u l-Fondazzjoni Valletta 2018 se jipprovdu wirt lill-proġett u19 f’Malta li se jwassal għal kompetizzjoni Grand Prix għal artisti lokali fl-2018.
Fil-bidu, Clayton Cutajar, Żviluppatur tal-Programmi Ewlieni fl-Esplora, għamel preżentazzjoni dwar il-punti ewlenin tal-workshops u19 li seħħew l-Esplora matul il-perjodu tal-Presidenza. Is-Sur Andreas Bauer, Direttur Superjuri tal-ARS Electronica Centre, li kien preżenti għall-attività, qal li ARS Electronica tipprova “twassal il-kreattività u l-entużjażmu li jinsab f’dawn iż-żgħażagħ u taħdem bħala spinta għalihom sabiex meta jlestu mill-workshop, ikomplu jaraw il-potenzjal fihom infushom”. Eżempju perfett ta’ dan huwa Jonas Bodingbauer, żgħażugħ ta’ 17-il sena minn Linz, l-Awstrija, li għamel il-preżentazzjoni rebbieħa tiegħu fil-kompetizzjoni Grand Prix 2016 ta’ ARS Electronica.
Is-Sinjorina Rachel Blackburn, Direttriċi taċ-Ċentru tax-Xjenza Interattiva Esplora semmiet li “l-workshops servew bħala ispirazzjoni għall-Programm Edukattiv Esplora. Il-Programm Edukattiv 2017-2018 issa jinkludi kategorija sħiħa ġdida ta’ workshops STEAM – jiġifieri jinkludu l-Arti fix-Xjenza, Teknoloġija, Inġinerija u Matematika. Dawn il-workshops ġodda huma possibbli permezz tal-Culture Pass bil-fondi tal-Arts Council Malta.” Żiedet tgħid li l-Carnival fl-Esplora huwa issa l-ftuħ uffiċjali tal-programm tal-karnival grazzi għall-appoġġ ta’ Shadow Puppetry mill-Arts Council Malta u l-Presidenza tal-Unjoni Ewropea, li dar 30 skola u se jkompli jdur skejjel oħra fis-sena skolastika l-ġdida. Esplora jistenna bil-ħerqa li jiżviluppa relazzjoni ta’ ħidma ulterjuri mal-Arts Council Malta, Spazju Kreattiv u t-Teatru Manoel. Is-Sinjorina Blackburn faħħret ukoll it-tim ta’ Esplora għall-isforzi, il-kreattività u l-koordinazzjoni kollha tagħhom.
Il-viżitaturi setgħu jgawdu l-prestazzjoni taż-żfin Blooming Creature minn Moveo Dance Company, li kellha x’taqsam mal-adattazzjonijiet ta’ kreaturi għall-ambjent immedjat tagħhom, u li għaqqdet elementi tal-Arti u t-Teknoloġija. Il-viżitaturi kellhom l-opportunità li jiltaqgħu u jżuru l-wirja SPARKS li ġiet imnedija wkoll illum minn Des Cini, Żviluppatur tal-Programmi l-Esplora, fi tmiem l-attività.
Il-wirja SPARKS intitolata “Lil hinn mil-Laboratorju: ir-Rivoluzzjoni tax-Xjenza DIY” huwa proġett li jappartjeni għal Ecsite, in-Netwerk Ewropew taċ-Ċentri u l-Mużewijiet tax-Xjenza, bil-fondi tal-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni tal-Unjoni Ewropea ta’ Orizzont 2020. Il-wirja, li tikkonsisti minn 7 stejjer maqsuma fi tliet temi: Xjenza taċ-Ċittadini, il-Health Hacking u l-Bijoloġija DIY qed iddur madwar 30 ċentru/mużew tax-xjenza u skejjel Ewropej u issa qed tiġi ospitata minn Esplora. Inċidentalment, wieħed jista’ jsib tliet xogħlijiet kummissjonati żviluppati matul proċess ta’ residenza f’ARS Electronica mir-raba’ taqsima tal-wirja.