Il-Fondazzjoni Valletta 2018 ser itella l-ewwel minn serje ta’ konferenzi annwali bit-titlu ‘Djalogu fil-Mediterran: Nesploraw l-identità permezz tan-netwerks’, fl-4 u l-5 ta’ Settembru, fil-Kampus tal-Università, l-Belt Valletta.
Din il-konferenza għandha l-għan li tinkoraġġixxi dibattitu dwar l-istorja komuni u r-realtajiet geo-politiċi Ewropej u tal-Mediterran, fl-isfera ta’ relazzjonijiet internazzjonali u diplomazija kulturali.
Diversi akkademiċi u professjonisti mil-qasam tal-arti, l-kultura u d-diplomazija, kemm Maltin kif ukoll internazzjonali, se jindirizzaw il-konferenza. Il-Professuri Henry Frendo u Mostafa Hassani Idrissi huma il-kelliema ewlenin.
L-Iżvilupp ta’ kapaċitajiet permezz tan-netwerks; It-tgħelib ta’ sfidi għall-mobilità; (Ri)definizzjoni tal-identità kulturali fil-Mediterran; u d-Diplomazija permezz tad-djalogu; huma t-temi tal-konferenza. Il-kelliema se jindirizzaw dawn it-temi fid-dawl tal-xogħol tagħhom fl-oqsma tal-prattika kulturali u d-diplomazija.
Il-kelliema tal-konferenza se jipreżentaw l-istudji tagħhom relatati mal-mobilità tal-artist bejn pajjiżi mill-Afrika ta’ Fuq u l-Ewropa; id-djalogu interkulturali u l-iskambju kulturali f’Kapitali Ewropej tal-Kultura preċedenti, fost l-oħrajn.
Is-serje ta’ konferenzi internazzjonali annwali se tindirizza aspetti varji tar-relazzjonijiet kulturali fl-Ewropa u fil-Mediterran, fil-kuntest tal-Belt Valletta, Kapitali Ewropea tal-Kultura 2018.
Aktar informazzjoni, inkluż il-programm sħiħ tal-konferenza u informazzjoni dwar il-kelliema u x-xogħol tagħhom, jista jinkiseb minn fuq is-sit tal-Fondazzjoni Valletta 2018 (www.valletta2018.org).