L-akkużi li għamel il-Partit Nazzjonalista lejn il-Fondazzjoni Valletta 2018 illum it-18 ta’ Frar 2016 huma sfortunati għaliex l-allegazzjonijiet ta’ inkompetenza u korruzjoni huma infondati.
Sa mit-twaqqif tagħha fl-2011, taħt amministrazzjoni Nazzjonalista, il-Fondazzjoni imxiet taħt il-gwida u monitoraġġ ta’ numru ta’ organizzazzjonijiet nazzjonali u internazzjonali ta’ natura kulturali, finanzjarja u politika. Dawn jinkludu il-Bord tal-Gvernaturi, li jinkludi iċ-Ċermen tal-Kunsill Malti għall-Arti, is-Sindku tal-Belt Valletta, il-President tal-Assoċċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali, ir-Rettur tal-Università ta’ Malta, il-President tal-Kamra tal-Kummerċ, Investiment u Intrapriża, il-Prinċipal tal-MCAST, kif ukoll riċentament, iċ-Ċermen tal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabbilità. Il-Fondazzjoni tirrispondi għall-Kunsill ta’ Superviżjoni li jikkonsisti mis-Segretarji Permanenti responsbbli minn materji ta’ finanzi u kultura, kif ukoll il-Grupp Parlamentari li jikkonsisti minn rappreżentanti kemm mill-Gvern, kif ukoll mill-Oppożizzjoni. Fuq livell internazzjonali, il-Fondazzjoni hija taħt il-monitoraġġ kontinwu tal-Kummissjoni Ewropea li, kif inhu magħruf sew, emfasizzat il-progress sinifikanti li sar fuq il-programm kulturali, l-organizzajoni u l-governanza li l-Fondazzjoni kisbet fl-aħħar xhur wara l-analiżi ta’ Settembru (http://www.timesofmalta.com/articles/view/20160127/local/valletta-2018-good-progress.600275).
Il-Fondazzjoni tixtieq iżżid li hija maħsuda bl-istqarrija li l-PN ħareġ għall-għarrieda peress li tliet ġimgħat ilu biss, it-Tnejn 25 ta’ Jannar, il-membri tal-Grupp Parlamentari tal-PN l-On. David Agius u l-On. Clyde Puli, iltaqgħu ma’ żewġ membri tal-Bord ta’ Evalwazzjoni u Monitoraġġ, inkluż il-veteran Ulrich Fuchs, u l-Kummissjoni Ewropea, u wara li ħareġ ċertifikat ċar dwar il-governanza u materji organizzattivi, finanzjarji u artistiċi, espremew is-sodisfazzjon tagħhom dwar ir-rapport.
Il-Fondazzjoni titlob lill-PN biex jissostanzja, jekk jista’, l-allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni u inkompetenza, kif ukoll patroċinju politiku, li l-Fondazzjoni tirribatti. Taħt it-tmexxija taċ-Ċermen Jason Micallef, it-Tim Eżekuttiv tal-Fondazzjoni mhux biss baqa’ intatt iżda kiber u jinkludi persuni kreattivi u amministraturi minn kull qasam tal-ħajja, mingħajr distinzjoni bejn sess, nazzjonalità u twemmin politiku.
B’referenza għat-tim ta’ diretturi artitistiċi li kienu servew taħt Maestro Wayne Marshall, u li l-PN tenna li kienu mkeċċija bla ħtija, il-Fondazzjoni tixtieq tiġbed l-attenzjoni tal-PN għal dawn il-fatti li juru l-kuntrarju ta’ dak li qed jiġi allegat meta jintqal li l-bibien huma magħluqa u l-opportinitajiet inqatgħu. Il-Fondazzjoni mhux biss żammet relazzjonijiet professjonali ma’ dawn id-diretturi imma żiedet, b’modi konkreti, l-kollaborazzjoni. Għalhekk tajjeb li wieħed jinnota li Marc Cabourdin huwa koordinatur importanti fl-organizzazzjoni tal-Valletta Pageant of the Seas – wieħed mill-ħames avvenimenti speċjali taħt id-direzzjoni ta’ Mario Philip Azzopardi – permezz tar-relazzjonijiet professjonali tiegħu mal-esperti ta’ avvenimenti artistiċi mir-Renju Unit Walk the Plank; Ruben Zahra imexxi Modern Music Days, proġett primarju fil-Programm Kulturali ta’ Valletta 2018 fil-qasam tal-mużika kontemporanja u li jgħaqqad id-dimensjonijiet Maltin u internazzjonali; Dr Jean Pierre Magro li jsegwi mill-qrib Storyworks, programm ta’ kitba ta’ skritt li wasal fir-raba’ sena, u li wassal ukoll għal produzzjoni b’suċċess ta’ film ta’ Jameson Cucciardi kif ġie rrappurtat (https://www.facebook.com/Valletta2018/posts/941133205972271); u Dr Raphael Vella, direttur tal-Valletta International Visual Arts Festival (VIVA) li huwa organizzat b’kollaborazzjoni ma’ diversi artisti Maltin u internazzjonali flimkien ma’ Spazju Kreattiv fil-Kavallier ta’ San Ġakbu.
Ta’ min ukoll isemmi konsulenti tal-Fondazzjoni li kienu involuti waqt il-fażi ta’ bidding taħt amministrazzjoni Nazzjonalista, li ukoll huma iktar involuti mal-Fondazzjoni taħt it-tmexxija taċ-Ċermen Jason Micallef. Dawn jinkludu lil Dr Alex Grech, li bħalissa qed jaħdem fil-qrib mal-Fondazzjoni fuq l-implimentazzjoni tal-European Graduate School u s-seminars li ser jittellgħu fir-rebbiegħa fil-Forti Sant’Iermu b’kollaborazzjoni ma’ Heritage Malta, ma’ artisti ta’ fama internazzjonali bħal Alfredo Jaar u Achille Mbembe; Dr Marie Briguglio li qed tmexxi riċerka intensiva dwar l-impatti soċjali u ekonomiċi ta’ Valletta 2018 fuq is-soċjetà Maltija; u Dr Vicki-Ann Cremona, editur prinċipali tal-pubblikazzjoni tal-immappjar kulturali li ser tkun ippubblikata minn Midsea Books aktar tard din is-sena, u li wara li tat kontribut mhux zgħir għan nomina b’suċċess tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura fl-2012, għandha rwol importanti fl-iżvilupp tal-proċess ta’ immappjar kulturali u l-awditjar tat-teatri għal Valletta 2018 b’kollaborazzjoni ma’ esperti oħra bħall-Professur Maria Attard u Sean Buhagiar.
B’konklużjoni, il-Fondazzjoni Valletta 2018 tikkonferma l-impenn tagħha lejn ir-riġenerazzjoni kulturali, ekonomika u soċjali fil-Belt Valletta, fuq skala bla preċedent fl-istorja ta’ Malta bħala pajjiż indipendenti. Ix-xogħol infrastrutturali relatat mal-mużew ġdid tal-arti MUŻA, il-Valletta Design Cluster fil-Biċċerija, is-Suq tal-Belt fi Triq il-Merkanti u r-riġenerazzjoni ta’ Strada Stretta, jmorru id f’id mal-involviment tal-komunità u qegħdin iseħħu filwaqt li l-pubbliku huwa mistieden li jkun xhud ta’ dan u jipparteċipa. Dan l-iżvilupp huwa appoġġjat b’diversi modi, b’investiment dejjem akbar mis-settur privat, partikolarment fil-qasam tat-turiżmu, bi preparazzjoni lejn l-2018. Il-Fondazzjoni tenfasizza l-livelli dejjem akbar ta’ parteċipazzjoni pubblika fl-attivitajiet li qed iseħħu fosthom iċ-ċelebrazzjonijiet ta’ Lejliet l-Ewwel tas-Sena, Notte Bianca, u aktar riċentament il-Karnival, li jawguraw tajjeb. Ir-rwol prinċipali tal-Fondazzjoni billi tkabbar l-aċċessibbilità u tiftaħ l-attivitajiet għal parteċipazzjoni dejjem akbar mill-kunsilli lokali li jgawdu maġġoranzi politiċi miż-żewġ naħat ukoll qed jagħti frott permezz tal-proġetti fosthom Darba Waħda (https://www.facebook.com/photo.php?fbid=10153558081859285&set=a.10150255214869285.335563.674944284&type=3&theater).
Dawn u aktar preparazzjonijiet jappoġġjaw u jutilizzaw is-settur kulturali li kull ma jmiss qed jikber u li Valletta 2018 qed issostni b’kollaborazzjoni ma’ entitajiet nazzjonali bħall-Kunsill Malti għall-Arti u l-MCAST, kif ukoll dawk internazzjonali fosthom Leeuwarden 2018 Kapitali Ewropea tal-Kultura, il-Fond Roberto Cimetta, il-Fondazzjonai Asia-Europe, u l-EU Japan Fest.
Il-Fondazzjoni Valletta 2018 ittenni d-diżappunt tagħha għall-allegazzjonijiet serji u foloz mill-PN, filwaqt li tikkonferma l-ħidma trasparenti u miftuħa fir-rigward tax-xogħol operazzjonali, finanzjarju u artistiku li dejjem huma miftuħa għall-iskrutinju.