Din is-sena, Valletta 2018, il-Kapitali Ewropea tal-Kultura, qed tagħti bidu għall-istaġun tal-festi aktar kmieni mis-soltu, permezz ta’ presepju tradizzjonali kbir fi Pjazza Tritoni, fil-Belt Valletta.
Il-presepju fih elementi tradizzjonali Maltin, fosthom arkitettura tipika Maltija: il-Luzzu, id-dgħajsa tas-sajd tradizzjonali Maltija; il-Girna, struttura msaqqfa li kienet tintuża bħala kenn għall-bdiewa fi żmien l-imgħoddi; u figuri tal-presepju lebsin kostumi tradizzjonali Maltin.
Dan il-presepju, li ġie ddisinjat u maħluq mill-artist Malti Manwel Grech, intwera wkoll fi Pjazza San Pietru fil-Vatikan għall-istaġun tal-Milied tas-sena 2016. Il-Qdusija Tiegħu, il-Papa Franġisku, żar dan il-presepju personalment u talab quddiemu fil-31 ta’ Diċembru 2016.
Il-presepju kien esibit ukoll fil-Pjazza tal-Maxtura f’Betleħem fis-sena 2017.
Il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici qal li “huwa ta’ pjaċir li frott l-artist Malti f’kull qasam tal-kultura, qiegħed jingħata ġieħ mhux biss f’pajjiżna, imma wkoll lil hinn minn xtutna. Dan il-presepju li diġa tgawda minn eluf ta’ turisti kemm meta kien espost fil-Vatikan u wkoll f’Bethlehem, din is-sena se jgawduh dawk kollha li se jkunu f’pajjiżna għal żmien il-Milied. B’hekk xogħol l-artist Malti qed ikompli jingħata l-għarfien li jistħoqqlu”
Is-Segretarju Parlamentari għall-Protezzjoni tal-Konsumatur u Valletta 2018 Deo Debattista qal li “il-Presepju huwa r-ruħ tal-Milied, parti integrali mill-kultura Maltija li qed niċċelebrawha bis-sħiħ permezz ta’ Valletta 2018”.
Iċ-Ċermen tal-Fondazzjoni Valletta 2018 Jason Micallef qal li “Dan il-presepju diġà kien ta’ attrazzjoni kbira għall-Maltin u t-turisti li żaru l-Belt Valletta f’dawn il-jumejn li ilu hawn”. Huwa ħabbar li “apparti l-presepju, din is-sena se nkomplu nagħfsu fuq tradizzjoni Maltija li ma tantx għadha tidher fl-irħula Maltin, hekk kif se nkunu qed norganizzaw il-purċissjoni ta’ Ġesù Bambin ġewwa t-toroq tal-Belt Valletta li eventwalment tispiċċa hawn quddiem il-presepju. Permezz tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta li se tkun qed topera mis-sena d-dieħla, se nibqgħu nippreservaw it-tradizzjonijiet Maltin. Dan hu wkoll parti mil-legat ta’ Valletta 2018”.
Din is-sena, il-presepju se jkun esibit fi Pjazza Tritoni mis-7 ta’ Novembru, u se jibqa’ hemm matul il-perjodu tal-Milied.
Valletta 2018 Premium Partners: General Soft Drinks Co. Ltd., Coca Cola, Bavaria and Bank of Valletta